Dan ix-xahar iż-ŻAK nediet kampanja bl-isem #90YearsofService – kampanja li se tfakkar id-90 anniversarju tal-Azzjoni Kattolika f’Malta u li tiġbor mijiet ta’ persuni li se jwettqu xi forma ta’ volontarjat ma’ persuni fil-bżonn, jew biex itejbu l-ambjent jew is-soċjetà li ngħixu fiha. Din il-kampanja hija ffinanzjata mill-programm SIS (Small Initiatives Support Scheme) tal-Kunsill Malti għas-settur tal-Volontarjat. Iż-żgħażagħ membri fiż-ŻAK, flimkien ma’ studenti u persuni oħra li mhux membri tal-Azzjoni Kattolika, ġew mistiedna sabiex iwettqu xi forma ta’ volontarjat u biex ikunu ta’ servizz għal ħaddieħor.

Il-Ħadd 9 ta’ Frar, grupp ta’ żgħażagħ organizzaw żewġ attivitiajiet fl-Iklin. Fil-Bake Sale rnexxielhom jiġbru l-ammont ta’ €120 li se jmorru biex jgħinu finanzjarjament lil xi familji fil-bżonn. Fl-istess ħin, grupp ta’ żgħażagħ kienu qed jippreparaw u jaħmu ammont ta’ torti li se tqassmu lill-pazjenti u qrabathom it-Tnejn l-10 ta’ Frar fl-isptar Mater Dei. Grupp ieħor ta’ żgħażagħ se jmur jagħti d-demm. Iktar attivitajiet huma mistennija li jsiru matul dan ix-xahar.

Fid-90 sena li ilha mwaqqfa l-Azzjoni Kattolika f’Malta eluf ta’ persuni wettqu l-missjoni tagħhom u ddedikaw mijiet ta’ sigħat għal persuni fil-bżonn jew sabiex ngħixu f’soċjetà iktar ġusta. B’dan għandhom ikunu kburin il-membri tal-Azzjoni Kattolika llum – li jkunu sors ta’ kuraġġ u tama għal xulxin, għax bil-ftit ta’ kulħadd jistgħu jsiru affarijiet kbar.