Il-ktieb Naqqaxtek fuq il-pali ta’ jdejja tnieda minn Drachma Parents, li hi għaqda ta’ sapport għal ġenituri b’ulied LGBTI+, nhar it-Tlieta, 17 ta’ Mejju 2022, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, Bifobija u Transfobija. Isem il-ktieb hu meħud mill-ktieb tal-Profeta Iżaija (Iż. 49:16) għax il-membri ta’ Drachma Parents jemmnu li dan hu l-kliem li Alla jgħid lil kull wieħed u waħda minna b’mod intimu u personali, għax Alla ma jagħmilx distinzjoni bejn razez jew orjentazzjonijiet sesswali differenti.
Is-sottotitolu tal-ktieb hu ‘X’tgħid (u x’ma tgħidx) il-Bibbja dwar l-omosesswalità’. Fil-verità l-Bibbja ma tgħidx wisq, imma dawn il-ftit siltiet huma fil-qalba tad-dibattitu reliġjuż dwar l-omosesswalità. Il-ktieb jistħarreġ, fost affarijiet oħra, jekk il-ġrajja ta’ Sodoma fil-fatt kellhiex x’taqsam mal-omosesswalità; jekk il-liġijiet Lhud dwar l-indafa ritwali li nsibu fil-Levitiku għadhomx japplikaw illum; jekk San Pawl fil-verità kienx qed jitkellem dwar l-omosesswalità jew il-pederastija (esplojtazzjoni u abbuż ta’ minorenni).
Dawn is-siltiet inkitbu eluf ta’ snin ilu u kienu ġew espressi f’lingwaġġ u bbażati fuq tagħrif limitat ħafna, ikkundizzjonat mill-mentalità tal-kultura ta’ dak iż-żmien. Ma setgħux ikunu jafu (kif ix-xjenza tagħraf illum) li l-omosesswalità hi sempliċiment varjant normali tas-sesswalità li jinstab b’mod regolari f’minoranza ta’ bnedmin.
Għaldaqstant, l-interpretazzjoni ta’ dawn is-siltiet bibliċi jeħtieġ li tiġi aġġornata u mdawla mill-avvanzi kbar li seħħew matul iż-żmien fil-bijoloġija, il-psikoloġija, is-soċjoloġija, il-ġenetika, kif ukoll l-istudji bibliċi. Wara kollox, kien hemm diversi drabi oħra meta l-Knisja kellha l-kuraġġ taġġorna l-interpretazzjoni tagħha bis-saħħa ta’ avvanzi fix-xjenza, dixxerniment u esperjenza. Il-problema qatt ma kienet il-Bibbja nnifisha imma l-interpretazzjoni tagħha.
Naqqaxtek fuq il-pali ta’ jdejja jappella lil kulħadd biex ma nibqgħux nikkundannaw jew inġebbdu l-interpretazzjoni tal-Bibbja biex inġibuha taqbel bilfors mal-prekunċetti tagħna. Fit-tiftix tagħna għall-verità għandu jkollna doża qawwija ta’ prudenza, umiltà u sinċerità. Il-Bibbja nnifisha kif ukoll il-persuni LGBTI+ ma jistħoqqilhom xejn inqas minn hekk.
Kull kapitlu tal-ktieb hu maqsum fi tlieta: analiżi storiko-kritika tas-silta biblika; sommarju tal-konklużjonijiet ewlenin; u riflessjoni minn membri ta’ Drachma Parents dwar is-silta partikolari.
Dan hi t-tieni pubblikazzjoni ta’ Drachma Parents, wara li l-ewwel ktieb Uliedna Rigal li ħareġ fl-2016, u hi ddedikata lil Patri Ġwann Xerri O.P., li ssapportja kontinwament lil Drachma sa mill-bidu nett tagħha, u li miet f’Ġunju li għadda.
Il-ktieb għandu jkun ta’ interess għal persuni LGBTI+, il-ġenituri u l-qraba tagħhom, għalliema, counsellors, professjonisti oħra, saċerdoti u katekisti.
Naqqaxtek fuq il-pali ta’ jdejja jinxtara mill-ħwienet ewlenin, Horizons (21441604) jew Drachma (99454581 | 79253875).