L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Aħna niġu u ngħammru għandu”. Dan hu li jgħid Ġesù llum fl-Evanġelju skont San Ġwann meta jgħid: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu u aħna niġu u ngħammru għandu” (Ġw 14:23). Dal-kliem “niġu u ngħammru għandu” ifakkarna fl-ewwel kapitlu tal-Evanġelju skont San Ġwann, fil-prologu, meta qed jitkellem fuq l-Iben ta’ Alla li sar bniedem u jgħid: “Il-Verb sar bniedem u għammar fostna (Ġw 1:14)”. “Għammar fostna” jiġifieri Alla sar bniedem, ġie joqgħod mal-bnedmin. Imma hawnhekk Ġesù qed jgħid aktar minn hekk. Qed jgħid li jekk aħna ngħixu f’din l-imħabba tiegħu, jgħammar fina.

Din hi l-isbaħ li jista’ jagħtina: li jkollna l-ħajja ta’ Alla fina. Aħna, bis-saħħa tiegħu u bil-qawwa tiegħu, insiru santwarju mill-isbaħ tal-preżenza ta’ Alla meta jkollna din il-ħajja ta’ Alla fina.

Il-frott tal-preżenza: il-paċi

X’tagħmel, xi ġġib din il-ħajja ta’ Alla fina? Ġesù jgħid fl-Evanġelju: “nagħtikom is-sliem tiegħi”. U jispjega: “ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja” (Ġw 14:27). Il-preżenza ta’ Alla fina ġġib il-paċi, li – kif jgħid Ġesù – mhijiex il-paċi li kultant nirreferu għaliha meta nitkellmu bejnietna. F’liema sens? Kultant nitkellmu fuq paċi li tfisser nuqqas ta’ ġlied, fejn m’hemmx gwerra, m’hemmx vjolenza. Din diġà hi ħaġa sabiħa, għax nafu fejn hemm il-gwerra, jew l-invażjoni u l-aggressjoni bħalma hemm fl-Ukraina bħalissa, x’ħerba toħloq fil-ħajja tan-nies fil-pajjiż. Ġa hi ħafna! Imma l-paċi li jagħtina Ġesù hi aktar minn hekk. Mhijiex in-nuqqas ta’ xi ħaġa ħażina, imma hi l-ħajja tiegħu fina li ġġib il-paċi f’qalbna anke meta ngħaddu minn żmien diffiċli, żmien ta’ tbatija. Ikollna l-paċi tiegħu f’qalbna. Għalhekk Ġesù jgħid: il-paċi li nagħtikom jien.

Santa Rita, li llum niċċelebraw it-tifkira tagħha, hi eżempju mill-isbaħ ta’ dan. F’ħajjitha għaddiet minn żmien diffiċli ħafna, speċjalment fil-ħajja tal-familja tagħha, imma għarfet kif ikollha dik il-paċi ta’ Alla f’qalbha, li jagħti Ġesù minkejja t-tbatija kollha li għaddiet minnha. U kienet ukoll imbagħad strument ta’ paċi mal-oħrajn, speċjalment ma’ żewġha u fil-familja tagħha. Dik hi l-paċi li jagħtina Ġesù.

Aħna, bis-saħħa tiegħu u bil-qawwa tiegħu, insiru santwarju mill-isbaħ tal-preżenza ta’ Alla meta jkollna din il-ħajja ta’ Alla fina

Ġesù jgħid: “Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’” (Ġw 14:27). Għax il-paċi li jagħtina hu tgħinna biex negħlbu l-biża’ u t-taħwid. Issa aħna nafu li fil-ħajja tagħna spiss ikollna mumenti ta’ biża’, u anke ta’ taħwid. Li qed jgħid Ġesù hu li bil-qawwa tal-paċi tiegħu, dawn ma jġorruniex magħhom, imma l-Mulej jgħinna biex negħlbuhom. B’hekk fil-mumenti ta’ biża’ u ta’ taħwid niftakru fil-preżenza ħajja tiegħu fina li tgħinna biex negħlbu dawn il-mumenti diffiċli fil-ħajja tagħna.

Jekk inħobbuh, inħarsu kelmtu

B’liema mod ngħixu fl-imħabba tiegħu? Ġesù jgħid, u jgħidha darbtejn. L-ewwel: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti”. Imbagħad jgħid ukoll: “Min ma jħobbnix, ma jħarisx kliemi” (Ġw 14:23). Ġesù jitlob minna li nħarsu l-kelma tiegħu, u dik tkun verament it-turija tal-imħabba li għandna lejh. Jekk jiena ngħid “inħobbok, Mulej”, imma mbagħad il-kelma tiegħu ma nistmahiex, jew nagħżel li jaqbilli minnha, dik mhix verament turija ta’ mħabba, m’hemmx imħabba hemmhekk lejn il-Mulej.

Fil-mumenti ta’ biża’ u ta’ taħwid niftakru fil-preżenza ħajja tiegħu fina li tgħinna biex negħlbu dawn il-mumenti diffiċli fil-ħajja tagħna

Għalhekk il-Mulej jgħidilna li l-kejl tal-imħabba tagħna hu kemm lesti tassew li nisimgħu kelmtu u nwettquha fil-ħajja tagħna. Għalhekk jekk Ġesù jgħidilna, pereżempju, li għandna nistmaw lil xulxin, nirrispettaw lil xulxin fi kliemna u fl-attitudni tagħna, li għandna naħfru – dan hu l-kejl tal-imħabba lejh. Jekk hu qalilna li għandna nieqfu ma’ min qed ibati, speċjalment ma’ min narawh fil-bżonn, jekk qalilna li għandna nirrispettaw dejjem il-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, jekk enfasizza l-fedeltà fil-ħajja taż-żwieġ u tal-familja, jekk qalilna fuq l-onestà fin-negozju, u tant kliem ieħor li qalilna Ġesù, meta aħna dan il-kliem tiegħu nistmawh u nfittxu li ngħixuh, dak hu l-kejl tal-imħabba lejh. Hemm verament nuru li nħobbu lilu. Għal dan jistedinna Ġesù.

Biex ma ninsewx

Ġesù jgħidilna fl-Evanġelju: “l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi… ifakkarkom dak kollu li għedtilkom” (Ġw 14:26). Aħna għandna din l-għajnuna kbira: l-Ispirtu ta’ Alla li kontinwament ifakkarna fil-kelma tiegħu, u jurina kif, meta ngħixu l-kelma tiegħu, nistgħu nibqgħu tassew fi mħabbtu. Meta ngħixu l-kelma tiegħu, ikollna din il-ħajja ta’ Alla fina.

Ġesù jgħidilna fl-Evanġelju: tajtkom l-għajnuna kollha. Minna, kull wieħed u waħda minna, jiddependi kemm din nilqgħuha ħalli nistgħu nibqgħu tassew fi mħabbtu.

Nitolbu llum li nilqgħu din l-imħabba tiegħu, ħalli hu jgħammar fina, ikollna l-preżenza ta’ Alla fina, u din tgħinna biex tassew ngħixu fil-paċi, biex negħlbu l-mumenti ta’ biża’ u ta’ taħwid, u nistgħu ngħixu u naqsmu mal-oħrajn l-imħabba ta’ Alla.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju