L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Aħna l-bnedmin nassoċjaw it-tluq ta’ xi ħadd għażiż ma’ mument ta’ niket. Niftakarni ċkejken immorru l-ajruport kull darba li kienu jiġu l-qraba tagħna msefrin biex narawhom sejrin. Fi tfuliti kont tista’ titla’ fil-gallerija biex tarahom anke telgħin l-ajruplan u kien ikun mument ta’ qsim il-qalb. Daqskemm kien ikun kbir il-ferħ li tilqa’ lil xi ħadd li ilek ma tarah, daqshekk kien ikun ta’ swied il-qalb u ta’ tbatija l-mument li terġa’ tinfired minn xi ħadd għażiż.

Imma llum m’aħniex qed niċċelebraw it-tluq ta’ Ġesù imma t-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema. Hemm differenza bejn li Ġesù jitlaq u Ġesù jitla’. Xi tfisser din it-tlugħ fis-sema? Hi li Ġesù bil-qawmien tiegħu mill-imwiet, li ċċelebrajna għal 40 jum s’issa, anke ftit iżjed u li se nkomplu niċċelebrawh sal-Ħadd li ġej sa l-Għid il-Ħamsin, 50 jum sħaħ, fl-irxoxt tiegħu l-Mulej daħal fil-glorja.

Aħna qegħdin fi knisja antika ddedikata lit-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù – il-mument meta Ġesù juri l-glorja tiegħu lid-dixxipli tiegħu, lil tlieta minnhom biss lil Pietru, ’l Ġakbu u ’l Ġwanni u qalilhom: “Titkellmux fuq din l-esperjenza qabel ma’ Bin il-bniedem iqum mill-imwiet” (Mt 17:9) u ma setgħux jifhmuh. Għaliex? Għax il-glorja li raw fit-trasfigurazzjoni kienet togħma ta’ dik il-glorja li hu kellu u jitlibbes biha fil-qawmien tiegħu mill-imwiet. Il-ġisem tiegħu ma kienx l-istess għax fit-trasfigurazzjoni l-ġisem ta’ Ġesù li sar kollu dawl; jibqa’ ġisem li nistgħu mmissuh b’idejna. Imma fil-qawmien tiegħu mill-imwiet, il-ġisem ta’ Ġesù jiġi mhux biss trasfigurat imma trasformat, jidħol fil-glorja tal-Missier.

Aħna 40 jum wara l-avveniment niċċelebraw din il-ħaġa. Għaliex? Għax il-Mulej stess qed jistedinna nifhmu li dak li ġara lilu, l-Iben t’Alla magħmul bniedem, fiż-żmien meta jrid il-Missier, fil-milja taż-żminijiet, se jiġri lilna wkoll. It-tlugħ s-sema tal-Mulej se jkun ukoll it-tlugħ is-sema tagħna, meta niġu milqugħin il-ġenna. Għal min irid. Tgħidli: kif nagħmel biex napplika? M’għandekx bżonn biex tapplika. Diġà għandek post imħejji. Il-kwistjoni tal-ġenna mhix opt in jiġifieri bilfors trid tapplika biex tmur, hi opt out. Jekk ma tridx tmur agħmel ħiltek biex ma tmurx – tinfired minn Alla, tinsieh, tkasbru f’ħutek. Allura dak opt out.

Imma llum qed infakkru lilna nfusna li għandna biljett maqtugħ għall-ġenna! Ġesù qalilna: “Mort inħejjilkom post, għandkom post imħejji”. Allura dik it-talba li s-saċerdot jgħid ghalih innifsu għax għandu bżonn imma li nistedinkom ngħiduha flimkien: ‘la tħallinix ninfired minnek’. Dik hi biżżejjed biex issalvak, għamilt x’għamilt, tagħmel x’tagħmel. Itlobhielu dik lil Ġesù – għalik u għall-qraba tiegħek.

Anke għax Ġesù stess, meta jitkellem fuq il-missjoni li ta lid-dixxpli, x’jgħid? L-ewwel nett hemm miktub li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet. It-tbatija tal-Mulej hi ċ-ċaħda tagħna. Reħa’ ruħu f’idejna u għamilna bih li ridna. Biex tifhem kemm nistgħu nkunu kattivi bejnietna, ma’ xulxin u ma’ Allla, ħares lejn il-passjoni ta’ Ġesù Kristu, lejn il-Ġimgħa l-Kbira, biex tifhem fejn jista’ jasal il-bniedem ma’ persuna innoċenti.

Imma r-risposta tal-Missier kienet il-qawmien ta’ Ibnu, il-glorja li tah. U x’jgħid Ġesù? “Kien miktub li l-Messija jbati fit-tielet jum iqum mill-imwiet u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha” (Lq 24:46). Taqtgħux qalbkom qed jgħidilna, jiena għaddejt minn dan il-proċess ta’ tbatija kbira imma qiegħed fil-glorja biex f’ismi jinħafru d-dnubiet kollha tagħkom, ir-reżistenzi kollha tagħkom għall-imħabba għax min mhux qed jgħix fl-imħabba għalih innifsu, għall-proxxmu, għal Alla, mhux qiegħed sew. Qiegħed iduq l-infern minn issa. Imma min jagħmel ħiltu bil-maħfra tal-għedewwa, bil-paċenzja, bis-sapportazzjoni tal-mard, bl-għoti ta’ ħajtu għal ħaddieħor. Ftakru fil-missirijiet u l-ommijiet li joħorġu filgħodu, xemx u xita, aptit u mhux aptit, għax-xogħol. Mhux att ta’ mħabba dak?  M’hemmx għalfejn tkun fil-ġurnali, isseħħ kuljum madwarna.

M’ilux il-Papa kkanonizza 10 qaddisin; kulħadd għandu l-istorja tiegħu differenti. Kulħadd sab il-ġenna b’mod differenti. Imma lkoll kemm huma kienu ħbieb kbar ta’ Ġesù. Intom xhud ta’ dan Issa aħna xhieda mhux biss tal-glorja ta’ Ġesù, aħna xhieda ta’ Ġesù fit-tbatija u l-qawmien tiegħu mill-imwiet u fil-maħfra li jrid jagħti lid-dinja kollha. Aħna ambaxxaturi tal-maħfra tiegħu billi nħalluh jaħfrilna. Mgħobbijin bid-difetti kif aħna l-Mulej jaħfrilna, jilqagħna, jgħannaqna miegħu u jwegħedhom lill-Ispirtu s-Santu.

L-Ispirtu s-Santu jkollna ċans nigglorifikawh u nfaħħruh u nberkuh il-Ħadd li ġej meta nagħmlu t-tifkira tal-miġja tal-Ispirtu s-Santu. Imma nnutaw kemm din l-esperjenza tat-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema mhix ta’ swied il-qalb għad-dixxipli imma timliehom b’ferħ kbir (Lq 24:52). Fil-bidu tal-Atti tal-Appostli, San Luqa jerġa’ jitkellem fuq din l-esperjenza: li d-dixxipli ntebħu li l-Mulej qiegħed magħhom imma mhux se jibqgħu jarawh kif kienu jarawh qabel il-qawmien u lanqas f’dawk l-40 jum speċjali meta deher lil ħafna minnhom biex jikkonfermahom fil-fidi, fil-qawmien tiegħu mill-imwiet u jagħmilhom xhieda tat-tbatija u tal-qawmien tiegħu mill-imwiet. U ’l dawn iż-żewġ anġli li dehru, qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, għalfejn tħarsu ’l fuq?” (Atti 1:11). Donnu qed jgħidilhom: toqogħdux tippretedu li se jiġi lura, qisu niżel bl-ajrulan u tiltaqgħu miegħu, qiegħed magħkom.

Illum rridu niċċelebraw din ir-realtà kbira: li Ġesù hu magħna, hu Għimmanu-El, Alla magħna u li mhu se jitlaqna qatt. U għalhekk il-versett li l-Knisja tagħżel f’din il-festa mill-Evanġelju ta’ San Mattew jgħidilna hekk: U din hi l-festa ta’ tlugħ is-sema tal-Mulej: “Jiena magħkom dejjem sa l-aħħar taż-żmien” (Mt 28: 20). Mhux tlaqtilkom, narakom il-ġenna. Le! Jiena magħkom. Nirringrazzjaw lill-Mulej li mhux biss iħallina ngħidulu ‘la tħalliniex ninfirdu minnek’ imma hu b’din il-festa qed jgħidilna: ‘jiena magħkom’.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 1:1-11
Salm: 46 (47):2-3,6-7,8-9
Qari II: Lhud 9:24-28; 10:19-23
L-Evanġelju: Lq 24:46-53