✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

“Il-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom” (Ġw 16:22). Dan hu li jgħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu, fl-Evanġelju skont San Ġwann. Hawnhekk qiegħed fl-Aħħar Ċena. Jolqotna dan il-kliem, kif jitkellem fuq il-ferħ meta hu l-waqt ta’ dwejjaq, ta’ niket, u mument iebes ħafna għal Ġesù. Fil-fatt, ftit wara Ġesù kien se jkun arrestat, imbagħad jgħaddi mill-passjoni u mill-mewt tiegħu.

Hawnhekk jgħid lid-dixxipli tiegħu: “intom għad tibku u tingħu… għad iġarrbu n-niket”. Imma mbagħad jgħidilhom: “imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena” (Ġw 16:20). U jġib it-tixbiha sabiħa ta’ mara li se jkollha tarbija, li trid tgħaddi mill-uġigħ u mit-tbatija biex twelled it-tarbija; imma mbagħad, meta titwieled it-tarbija, tifraħ bit-tarbija, bil-ħajja umana ġdida, u jkun ferħ li jnessiha l-uġigħ li tkun għaddiet minnu, għax issa għandha din it-tarbija. Din it-tixbiha Ġesù jgħidha proprju biex iqabbel dak li se jgħaddi minnu hu: hu se jgħaddi mill-passjoni u l-mewt, minn tbatija kbira, imma mbagħad iqum rebbieħ fuq il-mewt, Irxoxt, iqum għal ħajja ġdida. Għalhekk “in-niket… għad jitbiddel f’hena”.

Nafu li d-dixxipli fehmu sew dan, mhux dak il-ħin imma wara. Wara l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù, u wara l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuqhom, imbagħad fehmu li Ġesù jagħtihom dan il-ferħ f’qalbhom, li ma jeħodhulhom ħadd. Hu ferħ li ma jiddependix fuq kemm, pereżempju, in-nies kienu jiggustaw lill-appostli, jew jaqblu magħhom. Lanqas ma kien ifisser li l-appostli ma jiltaqgħux ma’ xkiel u ostakli fil-missjoni tagħhom. Rajna dan fl-ewwel qari mill-Atti tal-Appostli. Għalihom dak li tahom Ġesù kien ferħ li jibqa’.

Dan narawh fil-ħajja tal-ewwel Insara. Speċjalment hemm ċerti episodji li joħorġu dan b’mod sabiħ ħafna. Fl-Atti tal-Appostli hemm episodju fejn l-appostli, dawn l-istess nies li semgħu lil Ġesù jkellimhom fl-Evanġelju llum, jispiċċaw quddiem is-Sinedriju. Jgħidlek li l-ewwel tawhom is-swat lill-appostli, imbagħad ordnawlhom li ma jitkellmux fuq l-isem ta’ Ġesù. U x’għamlu l-appostli? Daħlu f’qoxorthom? Bdew jibżgħu? Għamlu f’qalbhom? L-Atti tal-Appostli jgħid: “Huma ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù” (Atti 5:41). Ferħana mhux għax faħħruhom, imma ferħana għax għamlu dak li kellhom jagħmlu, u maqdruhom xorta. Imma ferħana! Dan hu l-ferħ li semma Ġesù hawnhekk, li “ħadd ma jeħodhulkom”.

Dan hu messaġġ sabiħ ħafna għalina, għall-ħajja tagħna. Aħna wkoll ngħaddu minn żminijiet diffiċli, ta’ tbatija, ta’ niket, ta’ dwejjaq, ta’ għafsa ta’ qalb. Ġesù jgħinna biex ma nibqgħux mgħaffġin taħt dawn il-mumenti, dan iż-żmien, imma hu jagħtina l-għajnuna biex inqumu. Speċjalment jagħtina f’qalbna l-ferħ u l-paċi tiegħu – dan il-ferħ, li kif semma hu, ma jeħodhulna ħadd. Irrid niftiehmu, il-ferħ ta’ Ġesù mhuwiex għax tieħu pjaċir. Fil-ħajja jalla jkollna ħafna affarjiet li jagħtuna pjaċir! Imma l-ferħ hu dejjem aktar fil-fond. Mhuwiex għax int dejjem allegru; sabiħ tkun hekk, imma l-ferħ ta’ Ġesù jinżel aktar fil-fond. Hu ferħ għax aħna maħbuba minn Alla, hu ferħ magħqud mal-paċi fil-qalb. Għalhekk hu ferħ li ma jeħodhulna ħadd.

Nitolbu lill-Mulej li jkollna fina l-ferħ li ħadd ma jeħodhulna, u qalb id-diffkultajiet kollha tal-ħajja qatt ma nitilfu dan il-ferħ għax ikun ferħ marbut mal-paċi fil-qalb li jagħtina hu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju