-
-
Is‑Sibt 14 ta’ Jannar 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa ċ‑ċelebrazzjoni tal‑pussess ta’ Dun Denis Schembri bħala kappillan tal‑Parroċċa tal‑Manikata.
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
-
Knisja Parrokkjali tal-Manikata
14 ta’ Jannar 2017“Araw il-ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1, 29). Il-kelma ‘ħaruf’ bl-Aramajk li kienu jitkellmu n-nies komuni ta’ żmien Ġesù, li kien jitkellem Ġesù wkoll, l-Aramajk hija lingwa ħafna qrib anke l-ilsien li nitkellmu aħna. Sa’ qabel it-traġedja tas-Sirja kien għad hemm villaġġ mhux il-bogħod minn Damasku fejn kienu għadhom jitkellmu l-Aramajk din il-lingwa li kien jitkellem Ġesù.
Bl-Aramajk il-kelma ‘ħaruf’ tfisser ukoll ‘qaddej’ u tfisser ukoll ‘iben’. Immaġinaw lil dawk li qegħdin jisimgħu lil Ġwanni jgħid: “Araw il-ħaruf ta’ Alla” li jifhmu mhux biss dak li qed nifhmu aħna, il-ħaruf, imma bl-istess kelma qegħdin jifhmu ‘qaddej’ u ‘iben’. Fuq dan l-aħħar titlu, Ġwanni stess f’din is-silta’ li għadna kemm smajna, jikkonferma “dan rajtu b’għajnejja u għalhekk xhedt ‘dan hu l-Iben ta’ Alla’” (v. 34).
Il-kelma ‘qaddej’ turina kif se tkun il-missjoni ta’ Ġesù fostna. Huwa li huwa l-Iben ta’ Alla, il-ħaruf li jneħħi d-dnub tad-dinja, awl il-lejl qabel ma bata, neża’ l-mantar, tħazzem b’fardal, u ħasel riġlejn id-dixxipli. U qalilhom: “rajtu x’għamiltilkom? Jien ‘l-Imgħallem’ u ‘il-Mulej’. Kif għamilt jiena lilkom, hekk agħmlu lil xulxin” (ara Ġw 13, 13-14). Mela hu jkun il-ħaruf ta’ Alla li jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra, il-Mulej huwa Iben, il-Mulej huwa qaddej.
San Ġorġ Preca fil-ktieb ħelu tiegħu ‘Is-Salm ta’ Patri Franku’ għandu din il-frażi: “kif tista’ inti titwerwer minn Alla li huwa Missier, li huwa ħaruf, u li huwa ħamiema?”. Fl-Evanġelju tal-lum (Ġw 1, 29-34) għandna dawn iż-żewġ xbihat: Ġesù l-Iben ippreżentat bħala l-Ħaruf u “l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema” (v. 32). Aħna nafu li Alla huwa l-Missier għaliex Ġesù huwa ddikjarat Ibnu, l-Iben ta’ Alla. Ma jistax ikun hemm iben mingħajr missier. Dan huwa Evanġelju ieħor li jfakkarna li Alla wieħed fi tliet persuni: il-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; il-Missier, il-ħaruf, il-ħamiema.
Aħna u nawguraw lil Fr Denis hu u jibda l-missjoni tiegħu uffiċjali bħala kappillan ta’ din il-parroċċa, nawgurawlu li jwassal lil din il-komunità għażiża u bieżla, il-ħlewwa tal-Mulej li huwa l-Missier, u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.
Kif jgħid l-appostlu Missierna fil-bidu ta’ l-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin, huwa “kien imsejjaħ biex ikun appostlu ta’ Kristu Ġesù”, mibgħut – appostlu jfisser mibgħut – il-mibgħut ta’ Kristu Ġesù. Hu jindirizza “lill-Knisja t’Alla li qiegħda f’Korintu” bħala il-komunità ta’ “dawk li tqaddsu fi Kristu Ġesù” u li msejħa “biex ikunu qaddisin flimkien ma’ dawk kollha li f’kull pajjiż isejjħu l-isem ta’ Ġesù Kristu, is-sid tagħhom u tagħna” (1Kor 1, 1-2).
Aħna lkoll tqaddsina fi Kristu Ġesù. Din il-kelma hija l-kelma ‘magħmudija’. Aħna tgħammidna fi Kristu Ġesù. Il-Magħmudija bl-Ingliż, jekk trid tispjegaha, tgħid ‘full immersion’. Kultant imur xi ħadd barra minn Malta biex jitgħallem il-lingwa, u jgħid per eżempju: “se mmur Spanja biex nitgħallem l-Ispanjol għax għandi bżonn ‘full immersion’, jiġifieri jkellmuk bl-Ispanjol. Inti ma tifhimx, terġa tipprova, minflok jekk tkun trid tmur il-butir tgħidilhom ‘burro’ u jġibulek ħmar għax tkun użajt il-kelma bit-Taljan, imbagħad tirrealizza li minflok burro trid tgħid ‘mantikilia’ m’għandhiex x’taqsam ma’ dak li tagħmel max-xagħar lanqas. U dik hija l-esperjenza tal-full immersion bil-mogħod, inti tidhra bil-mogħod. Imma tkun f’ambjent li qed jgħinek togħdos, għax battizzo tfisser togħdos, tgħaddas, u allura tkun mgħaddas; mgħammed tfisser mgħaddas fully immersed, f’Ġesù.
Aħna ħafna drabi l-Magħmudija neħduha bħala r-rit: it-tarbija jagħmlilha l-ilma, fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, tagħtih xi ħaġa u tmur id-dar. Imma l-Magħmudija hija l-ħajja tagħna. Aħna kontinwament fully immersed, mgħaddsin, ngħumu f’Ġesù Kristu. “Tqaddisna fi Kristu Ġesù” għaliex li titqaddes hija inti tittieħed mill-ambjent u ssir ta’ Ġesù, aħna ta’ Ġesù. Imma “imsejħin biex inkunu qaddisin”. Din hija t-talba tagħna llum li Fr Denis jgħinkom, bħala ragħaj tagħkom f’ismi, u jwassal l-imħabba tiegħi lilkom, f’kull mument jgħinkom biex timxu f’din is-sejħa li tkunu qaddisin. Xi tfisser li tkun qaddis? Li inti kontinwament tistrieħ fil-ħniena tal-Mulej. Għax aħna dgħajfin, aħna kultant ma nġibuhiex żewġ, ngħaffġuha ftit. Fi żmieni aħna kien ikollna l-pitazzi tal-homework u daqqa tieħu star u daqqa tieħu copy, fi żmieni. Illum ma tantx, jaħdmu bit-tablets imma mhux dejjem tiġik żewġ, mhux dejjem tiġik tajba u inti tafda fit-teacher li qed imexxik biex titgħallem. B’hekk ukoll aħna nafdaw fil-Mulej li jmexxina hu, il-qdusija tagħna trid tkun kemm nafdaw biex jgħaġġinna fix-xbieha sabiħa ta’ Ġesù.
“Fil-bidu tal-ktieb hemm mitkub fuqi li nagħmel ir-rieda tiegħek” għax “int Mulej ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti, imma widnejja inti ftaħtli” (S 39, 8,7) Din is-silta’ tfakkarni fir-rit li nagħmlu fil-Magħmudija meta lill-imgħammed ġdid, tkun tarbija jew ikun naqra adult, is-saċerdot jagħmel salib ċkejken fuq il-widna, jagħmlu anke fil-fomm, dik biex ġeneralment hekk nagħmlu, jibdew jibku mbagħad. “Imma inti widnejja ftaħtli” xi tfisser? Li jiena se nisimgħek, se nisma’ minnek, mhux kwistjoni ta’ sagrifiċċji u offerti, widnejja ftaħtli, ftaħtli widnejja, is-smigħ bħala stedina u bħala ubbidjenza.
“Imbagħad jien għidt: ‘hawn jien ġej’” (v. 8). Jiena nitlobkom biex tkunu disposti biex tgħinu lill-kappillan biex il-komunità tkompli tikber. Iltqajt maż-żgħażagħ tagħkom li se jagħmlu l-Griżma din is-sena. Staqsejthom meta u qaluli li ma jafux u ndunajt li tort tiegħi għax għadni m’għamiltx id-data tal-Griżma. Imma ħadt pjaċir niltaqa’ ma’ dawn iż-żgħażagħ li qegħdin jistennew biex jirċievu d-don tal-Ispirtu s-Santu, biex lill-Mulej jgħidulu: “hawn jien ġej, nixtieq li nitqawwa bl-Ispirtu tiegħek, biex inkun preżenza sabiħa Nisranija fid-dinja”.
Nitlobkom ukoll li meta Fr Denis jagħmel appell, intom turi l-koperazzjoni tagħkom, nirringrazzjakom minn issa ta’ kemm intom ta’ sapport għall-kappillan. Nirringrazzjakom ta’ dak kollu li għamiltu ma’ Dun Reggie waqt li nirringrazzjah ukoll, ta’ dak kollu li għamel mill-2005 ’l quddiem – ħdax-il sena, kważi tnax – grazzi Fr Reggie, grazzi mill-qalb. Intuh ċapċipa. Jiena nixtieq nirringrazzja lil Fr Denis ukoll li meta tlabtu jiġi hawn, ma qallix “jien hawn ġej?” għax ma kontx il-Manikata, imma qalli “immur”. U nixtieq ngħidlu grazzi.
Jiena bl-interċessjoni ta’ San Ġużepp, Padrun universali tal-Knisja, illum nagħmel talba biex mill-Manikata jkollna xi ħadd jew xi wħud li jsiru saċerdoti. Titolbuhielu din lill-Mulej? Ħa nagħmlu ċapċipa biex il-Mulej jismagħna ħa jibgħatilna saċerdot mill-Manikata. Jiena dan ma nafx min hu, għax Ġesù jsejjaħ lil min irid, imma meta jsir saċerdot ifakkarni li ċapċapnilu mingħajr ma konna nafu min hu.
Jiena nixtieq nitlob ukoll għall-familji, għaż-żgħażagħ, għall-ħaddiema, nixtieq nitlob għal kull residenti f’din il-lokalità pittoreska, imbierka, għażiża biex il-Mulej tal-paċi jżurna b’dik il-kelma sabiħa li jgħidilna, “kiena nħobbok u nagħti ħajti għalik” għaliex Ġwanni dan li ra meta ra lil Ġesù: “araw il-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja. Dan rajtu b’għajnejja u għalhekk xhedt: ‘dan hu Iben ta’ Alla” li hu mħabba.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja