Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-Liturġija ta’ dan il-Ħadd ikellimna dwar bidla deċisiva. Jgħid hekk: “Meta Ġesù qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm” (Lq 9:51). Hekk jibda “l-vjaġġ il-kbir” lejn il-belt qaddisa, li jitlob fehma speċjali għax hu l-aħħar wieħed. Id-dixxipli, mimlijin entużjażmu li għadu wisq tad-dinja, joħolmu li l-Imgħallem sejjer lejn it-trijonf; iżda Ġesù jaf li f’Ġerusalemm hemm jistennewh iċ-ċaħda u l-mewt (ara Lq 9:22,43b-45); jaf li sejjer biex ibati ħafna; u dan jesiġi fehma deċiża. Hekk, Ġesù jersaq b’pass riżolut lejn Ġerusalemm. Hi l-istess deċiżjoni li għandna nieħdu jekk irridu nkunu dixxipli ta’ Ġesù. Fiex tikkonsisti din id-deċiżjoni? Għax aħna għandna nkunu dixxipli ta’ Ġesù bis-serjetà, b’rieda sħiħa, mhux – kif kienet tgħid waħda xwejħa li kont naf – “Insara tal-ilma żahar”. Le, Insara deċiżi. U dan jgħinna nifhmuh, l-episodju li jirrakkonta minnufih wara, l-evanġelista Luqa.

Meta kienu fit-triq, villaġġ tas-Samaritani, li saru jafu li Ġesù kien sejjer Ġerusalemm – li kienet il-belt avversarja -, ma jilqgħuhx. L-appostli Ġakbu u Ġwanni jħossuhom offiżi u lil Ġesù jriduh jikkastiga lil dawk in-nies u jibgħatilhom in-nar mis-sema. Ġesù, mhux biss ma jaċċettax il-proposta, talli jċanfar liż-żewġ aħwa. Huma jriduh jissieħeb max-xewqa tagħhom tat-tpattija u hu jirrifjuta (vv. 5-55). “In-nar” li Hu ġie biex ikebbes fuq l-art hu ieħor (ara Lq 12: 49), hu l-imħabba mimlija ħniena tal-Missier, u biex dan-nar ikompli jikbes hemm bżonn il-paċenzja, il-perseveranza, spirtu penitenzjali.

Iżda Ġakbu u Ġwanni jħallu r-rabja tirkibhom. U dan jiġri lilna wkoll meta, minkejja li nagħmlu l-ġid, forsi wkoll b’sagrifiċċju, minflok akkoljenza nsibu bieb magħluq. Allura ninħakmu mir-rabja: saħansitra nippruvaw indaħħlu lil Alla wkoll bit-theddid ta’ kastigi mis-sema. Iżda Ġesù jimxi minn triq oħra, mhux it-triq tar-rabja, imma dik tal-fehma sħiħa li jibqa’ miexi ‘l quddiem, li aktar milli tissarraf f’ebusija, timplika kalma, paċenzja, ġenerożità bla ma xxellef imqar ftit l-impenn li nagħmlu l-ġid. Din l-imġiba mhix dgħufija, anzi, għall-kuntrarju turi qawwa interjuri kbira. Faċli li fil-kuntrarju nħallu r-rabja ġġorrna, hu istint.  Imma hu diffiċli li bniedem jiddomina lilu nnifsu, jagħmel bħal Ġesù li – jgħidilna l-Evanġelju – “telaq lejn villaġġ ieħor” (v. 56). Dan ifisser li meta nħabbtu wiċċna mal-għeluq, għandna nibdew nagħmlu l-ġid xi mkien ieħor, bla kliem żejjed. B’hekk Ġesù jgħinna nkunu bnedmin hienja, ferħanin bil-ġid li nkunu għamilna u mhux bnedmin li jfittxu l-approvazzjoni umana.

Bid-djalogu biss tista’ tinġieb, nittama malajr kemm jista’ jkun, il-paċi soċjali, b’attenzjoni partikolari lejn il-popolazzjonijiet emarġinati u l-aktar foqra, imma dejjem b’rispett lejn id-drittijiet ta’ kulħadd u lejn l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Issa nistaqsu lilna nfusna: fejn wasalna? Fejn ninsabu? Quddiem il-kuntrarju, quddiem min ma jifhimniex, induru lejn il-Mulej, nitolbuh itina l-qawwa tiegħu biex nagħmlu l-ġid? Jew infittxu ‘l min iċapċpilna u nispiċċaw bil-qrusa u mimlijin rankur meta ma nisimgħux iċ-ċapċip? Kemm drabi, ftit jew wisq, bla ma nkunu nindunaw, infittxu l-applawsi? Le, mhux hekk  Għandna nagħmlu l-ġid bħala servizz u mhux biex infittxu l-applaws. Xi drabi naħsbu li l-ħeġġa tagħna tiġi mis-sens ta’ ġustizzja għal kawża tajba, imma fir-realtà, il-biċċa l-kbira ma jkun xejn aktar ħlief kburija magħquda mad-dgħufija, sensittività żejda u nuqqas ta’ paċenzja.

Għalhekk li Ġesù nitolbuh li nkunu bħalu, li nimxu warajh b’fehma sħiħa f’dit-triq ta’ servizz.  Li ma nkunux vendikattivi, li ma nkunux intolleranti meta naħbtu mad-diffikultajiet, meta nkunu qed ningħataw bil-ġenerożità għall-ġid tal-oħrajn u huma ma jifhmux, anzi, meta jbarruna. Le, silenzju u nibqgħu mexjin.

Il-Verġni Marija tgħinna nagħmlu tagħna d-determinazzjoni ta’ Ġesù li nibqgħu fl-imħabba sal-aħħar.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Qed insegwi bi tħassib dak li qed iseħħ fl-Ekwador. Jien qrib dak il-poplu u ninkoraġġixxi lill-partijiet kollha biex jabbandunaw il-vjolenza u l-pożizzjonijiet estremi. Nitgħallmuha: bid-djalogu biss tista’ tinġieb, nittama malajr kemm jista’ jkun, il-paċi soċjali, b’attenzjoni partikolari lejn il-popolazzjonijiet emarġinati u l-aktar foqra, imma dejjem b’rispett lejn id-drittijiet ta’ kulħadd u lejn l-istituzzjonijiet tal-pajjiż.

Nixtieq nesprimi l-qrubija tiegħi lejn il-qraba u l-konsorelle ta’ Sor Luisa Dell’Orto, tal-Piccole Suore tal-Vanġelu ta’ Charles de Foucauld, li lbieraħ inqatlet f’Port-au-Prince, il-kapitali ta’ Haiti. Minn 20 sena ‘l hawn Sor Luisa għexet hemmhekk u tat ħajjitha speċjalment għas-servizz tat-tfal tat-triq. Inħalli ruħha f’idejn Alla u nitlob għall-poplu ta’ Haiti, speċjalment għaż-żgħar, sabiex ikollhom ġejjieni seren, bla miżerja u bla vjolenza. Sor Luisa għamlet ħajjitha don għall-oħrajn sal-martirju.

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini mill-Italja u minn tant pajjiżi. Qed nara bandiera Arġentina, konnazzjonali tiegħi, insellmilkom ħafna! Insellem partikolarment lill-fidili ġejjin minn Lisbona, lill-istudenti tal-Istitut Notre-Dame de Sainte-Croix minn Neuilly, fi Franza u lil dawk minn Telfs, fl-Awstrija. Insellem lill-kor polifoniku minn Riesi, lill-grupp tal-ġenituri minn Rovigo u l-komunità pastorali Beatu Serafin Morazzone minn Maggianico. Qed nara li hawn xi bnadar tal-Ukrajna. Hemmhekk, fl-Ukrajna, għadhom għaddejjin il-bumbardamenti li qed iġibu l-mewt, qerda u tbatija għall-popolazzjoni. Jekk jogħġobkom ma ninsewx lil dal-poplu mnikket bil-gwerra. Ma ninssewhx fi qlubna u fit-talb tagħna.

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb. U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org