L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-kliem ta’ Ġesù jistedinna għas-sens ta’ responsabbiltà. Aħna l-qassisin, ħafna drabi u nagħmlu sew, nipprietkaw kontinwament fuq il-ħniena ta’ Alla. Il-ħniena ta’ Alla hi wkoll mument ta’ umiltà, li fih nitolbu lil Alla jaħfrilna d-dnubiet li nagħrfu li għamilna għax quddiem ir-responsabbiltà tagħna nifhmu li mhux dejjem ngħixu skont l-ideali għolja li għalihom imsejħin.

Kull anniversarju jiġbor fih żewġ elementi, li l-qaddis Malti San Ġorġ Preca ġabar f’din il-frażi feliċi: ‘Grazzi Sinjur Alla, u aħfirli Sinjur Alla’. L-ewwel parti ta’ din it-talba qasira hu mument ta’ rikonoxximent ta’ dak kollu li Alla għamel magħna – ‘Grazzi Sinjur Alla’. Illum flimkien mal-poplu Malti u Għawdxi, nirringrazzjaw lil Alla ta’ dak kollu li għamel mal-Korp tal-Pulizija u permezz tiegħu, għax il-missjoni tal-Korp tal-Pulizija, mhix missjoni faċli. Hi dik li tkun il-preżenza tal-valuri għoljin tas-soċjetà f’mumenti l-iżjed ibsin, u ta’ sfida. L-ordni pubbliku hu qafas fejn aħna ngħixu ħajjitna fil-libertà, fis-sikurezza u fir-rispett lejn xulxin. Mhix missjoni ħafifa li tiżgura l-ordni pubbliku, f’ambjent, fejn ħafna drabi tiltaqa’ ma’ aggressività, ma’ atteġjamenti antisoċjali; jekk mhux ukoll kriminali. Inkunu boloh jekk naħsbu li l-missjoni tal-Pulizija se tkun xi darba faċli. Għalhekk, meta ngħidu grazzi lil Alla, qed nirringrazzjawh tal-protezzjoni li jagħti lil kull membru tal-Korp tal-Pulizija.

Nitolbu maħfra lil Alla ta’ kemm-il darba minħabba n-nuqqas tad-dover ta’ xi ħadd, l-isem tal-korp tal-Pulizija ma jiddix bil-ġieħ li jistħoqqlu. Din hi inġustizzja kbira għax minħabba l-ftit jiġu ttimbrati l-ħafna

Il-kelma tal-Profeta Iżaija hi wkoll kelma li tingħad lill-korp tal-Pulizija llum. “Qis li sserraħ rasek, la tibżax, la taqtax qalbek quddiem dawk iż-żewġt ifdal ta’ ħatbiet idaħħnu, mill-qilla tar-rabja” (Iż 7:4). L-inkoraġġament li nagħtu b’ġustizzja u b’sens ta’ dover lill-Korp tal-Pulizija, flimkien mar-rispett tagħna, mhuwiex xi ħaġa biss ta’ faċċata, jew xi ħaġa kosmetika; hu awgurju, li waqt il-Korp tal-Pulizija jtemm il-missjoni tiegħu, aħna nkunu nistgħu nserrħu rasna, ma nibżgħux, u ma naqtgħux qalbna.

It-tieni parti tat-talba li għallimna San Ġorġ Preca, u li toqgħod għal kull anniversarju, hi: ‘Aħfirli Sinjur Alla’. Illum f’isem il-Korp tal-Pulizija, nitolbu maħfra ta’ kemm-il darba f’individwi tal-membri tal-korp, l-ideali ma jidhrux daqshekk ċar. Ta’ kemm kull darba naqgħu fit-tentazzjoni li nisimgħu għall-pressjonijiet ta’ madwarna, minflok ir-reqqa u l-kelma tal-liġi. Nitolbu maħfra lil Alla ta’ kemm-il darba minħabba n-nuqqas tad-dover ta’ xi ħadd, l-isem tal-korp tal-Pulizija ma jiddix bil-ġieħ li jistħoqqlu. Din hi inġustizzja kbira għax minħabba l-ftit jiġu ttimbrati l-ħafna. Din tiġri f’kull qasam, f’kull professjoni, f’kull missjoni fid-dinja. Imma llum waqt li nitolbu maħfra, niġġeddu biex nagħmlu aħjar.

Il-missjoni tal-Korp tal-Pulizija, mhix missjoni faċli. Hi dik li tkun il-preżenza tal-valuri għoljin tas-soċjetà f’mumenti l-iżjed ibsin, u ta’ sfida

Il-Mulej, li l-bliet li minnhom sejjaħ l-appostli, Betsajda; lill-belt li laqqgħetu, Kafarnahom, jikkonfrontahom bir-responsabbiltà tagħhom. Il-motto tal-korp tal-Pulizija, hu fih nnifsu programm impenjattiv: Domine dirige nos – Mulej, mexxina inti, idderiġina inti. Il-battalja għas-sewwa, għall-verità, għall-ġustizzja, għall-ordni; mhix battalja biss fuq ordni materjali u soċjali; imma wkoll spiritwali. Hi l-battalja, biex l-umanità tgħix skont is-sewwa. L-għadu, mhux biss għadu materjali u fiżiku; imma wkoll spiritwali. Illum fuqkom, għeżież membri tal-korp tal-Pulizija, nitlob it-talba tal-protezzjoni tal-ħelsien mill-inganni, tal-ħelsien mill-biża’, tal-ħelsien minn kull kompromess tal-poter. Nitlob fuqkom il-ħelsien mill-attakki tal-għadu spiritwali tagħna.

I would like to greet, the members of the Diplomatic Corps and thanking you for your presence. A great sign of solidarity with the members of the Police Corp, and the witness to the appreciation, that we all have for these men and women, who give their lives to ensure public order, harmony and peace. It is also a prayer that we raise up to God, for their protection, that they may be worthy of the high values that their mission represents and promotes.    

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 7:1-9
Salm: 47 (48):2-3a,3b-4,5-6,7-8
L-Evanġelju: Mt 11:20-24