Katekeżi: Il-Vjaġġ appostoliku fil-Kanada
Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum nixtieq naqsam magħkom xi riflessjonijiet fuq il-vjaġġ appostoliku li għamilt fil-Kanada fil-jiem li għaddew. Kien vjaġġ differenti mill-oħrajn. Fil-fatt, il-motivazzjoni prinċipali kienet li niltaqa’ mal-popli indiġeni biex nesprimi lilhom il-qrubija tiegħi u n-niket tiegħi u nitlob maħfra – nitlob maħfra – għad-deni li sarilhom minn dawk l-Insara, fosthom ħafna Kattoliċi, li fil-passat ikkollaboraw mal-politika ta’ assimilazzjoni imposta u ta’ emanċipazzjoni tal-gvernijiet tal-epoka.
F’dan is-sens, fil-Kanada bdiet mixja biex tinkiteb paġna ġdida fit-triq li l-Knisja issa ilha żmien miexja fiha flimkien mal-popli indiġeni. U fil-fatt il-motto tal-vjaġġ “Nimxu flimkien” ifisser xi ftit jew wisq dan kollu. Mixja ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ fejqan, li titlob l-għarfien tal-istorja, is-smigħ ta’ dawk li ġarrbu dan, ir-responsabbiltà għal dak li seħħ, u fuq kollox il-konverżjoni, il-bidla ta’ mentalità. Minn dan l-approfondiment jirriżulta li, minn naħa, xi rġiel u nisa tal-Knisja kienu fost l-iżjed sostenituri determinati u qalbiena tal-popli tal-post, iddefendewhom u għenu biex jikber l-għarfien tal-lingwi u l-kulturi tagħhom; imma, min-naħa l-oħra, b’xorti ħażina ma naqsux Insara, jiġifieri saċerdoti, reliġjużi u lajċi li pparteċipaw fil-programmi li llum nifhmu li huma inaċċettabbli u anki kuntrarji għall-Vanġelu. U għalhekk jiena mort u tlabt maħfra f’isem il-Knisja.
Kien għalhekk pellegrinaġġ penitenzjali. Ħafna kienu l-mumenti ta’ ferħ, imma s-sens u t-ton ta’ kollox kien ta’ riflessjoni, indiema u rikonċiljazzjoni. Erba’ xhur ilu kont ilqajt il-Vatikan, fi gruppi distinti, ir-rappreżentanti tal-popli indiġeni: b’kollox kellna sitt laqgħat, biex inħejju xi ftit għal din il-laqgħa.
It-tappi l-kbar tal-pellegrinaġġ kienu tlieta: l-ewwel, f’Edmonton, fil-parti tal-punent tal-pajjiż. It-tieni, fi Québec, fil-parti tal-lvant. U t-tielet fit-tramuntana, f’Iqaluit, forsi xi 300km bogħod miċ-ċirku polari tal-Artiku. L-ewwel laqgħa nżammet f’Masqwacis, li tfisser “l-għolja tal-ors”, fejn ġew mill-pajjiż kollu kapijiet u membri tal-gruppi prinċipali indiġeni: First Nations, Métis u Inuit. Flimkien għamilna memorja: il-memorja tajba tal-istorja millenarja ta’ dawn il-popli, f’armonija mal-art tagħhom: din hi waħda mill-isbaħ affarijiet tal-popli indiġeni, l-armonija mal-art. Qatt ma jkasbru l-ħolqien, qatt. F’armonija mal-art. U ħarisna wkoll lejn il-memorja kerha tal-abbużi li saru, anki fl-iskejjel residenzjali, minħabba fil-politika ta’ assimilazzjoni kulturali.
Mixja ta’ rikonċiljazzjoni, ta’ fejqan, li titlob l-għarfien tal-istorja, is-smigħ ta’ dawk li ġarrbu dan, ir-responsabbiltà għal dak li seħħ, u fuq kollox il-konverżjoni, il-bidla ta’ mentalità
Wara l-memorja, it-tieni pass tal-mixja tagħna kien dak tar-rikonċiljazzjoni. Mhux kompromess bejnietna – kienet tkun illużjoni, daħka fil-wiċċ – imma nħallu lil Kristu jirrikonċiljana, hu li hu l-paċi tagħna (ara Efes 2:14). Dan għamilnieh bil-figura tas-siġra bħala punt ta’ riferiment, li hi ċentrali fil-ħajja u fis-simboloġija tal-popli indiġeni.
Memorja, rikonċiljazzjoni, u allura fejqan. Dan it-tielet pass tal-mixja għamilnieh fuq ix-xatt tal-Għadira ta’ Sant’Anna, proprju fil-jum tal-festa ta’ San Ġwakkin u Sant’Anna. Kollha nistgħu nixorbu minn Kristu, għajn ta’ ilma ħaj, u hemm, f’Ġesù, rajna l-qrubija tal-Missier li jfejjaqna mill-ġrieħi u anki jagħtina l-maħfra ta’ dnubietna.
Minn din il-mixja ta’ memorja, rikonċiljazzjoni u fejqan toħroġ it-tama għall-Knisja, fil-Kanada u f’kull post. U hemm, il-figura tad-dixxipli ta’ Għemmaws, li wara li mxew ma’ Kristu Rxoxt, miegħu u grazzi għalih għaddew mill-falliment għat-tama (ara Lq 24:13-35).
Kif għidt fil-bidu, il-mixja flimkien mal-popli indiġeni kienet il-fus ta’ dan il-vjaġġ appostoliku. Fuqha tlaqqmu iż-żewġ laqgħat mal-Knisja lokali u mal-Awtoritajiet tal-pajjiż, u lil dawn l-Awtoritajiet nixtieq inġeddilhom il-gratitudni sinċiera tiegħi għad-disponibbiltà kbira u l-merħba kordjali li kellhom għalija u għall-kollaboraturi tiegħi. Lill-Isqfijiet, l-istess. Quddiem il-Mexxejja, il-Kapijiet indiġeni u l-Korp diplomatiku sħaqt fuq ir-rieda attiva tas-Santa Sede u tal-komunitajiet Kattoliċi lokali li jippromovu l-kulturi indiġeni, b’mixjiet spiritwali xierqa u bl-attenzjoni għad-drawwiet u l-ilsna tal-popli. Fl-istess waqt, fakkart kif il-mentalità kolonizzatriċi llum tippreżenta ruħha taħt bosta għamliet ta’ kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi, li jheddu t-tradizzjonijiet, l-istorja u r-rabtiet reliġjużi tal-popli, ma jħallux iżjed joħroġ l-għana tad-differenzi, u jikkonċenteraw biss fuq il-preżent waqt li spiss jittraskuraw id-dmirijiet lejn l-iktar dgħajfa. Irridu allura nerġgħu nsibu bilanċ san, nirkupraw l-armonija, li hi iżjed minn bilanċ, hi ħaġa oħra; nirkupraw l-armonija bejn modernità u kulturi tal-antenati, bejn is-sekularizzazzjoni u l-valuri spiritwali. U dan ipoġġi sfida diretta quddiem il-missjoni tal-Knisja, mibgħuta fid-dinja kollha biex tagħti xhieda, biex “tiżra’” fraternità universali li tirrispetta u tippromovi d-dimensjoni lokali bl-għana kbir tagħha (ara Enċiklika Fratelli tutti, 142-153). Diġà għidt, imma rrid inżid nagħmel ir-ringrazzjament tiegħi lill-Awtoritajiet ċivili, lis-Sinjura Gvernatur Ġenerali, lill-Prim Ministru, lill-Awtoritajiet lokali tal-postijiet fejn mort: nirringrazzjahom ħafna għall-mod li bih iffavorew ir-realizzazzjoni tax-xewqat u tal-ġesti li semmejt. U nixtieq nirringrazzja lill-Isqfijiet fuq kollox għall-għaqda tal-episkopat: it-twettiq tal-għanijiet tal-Vjaġġ kien possibbli għax l-Isqfijiet kienu magħquda, u fejn hemm l-għaqda tista’ timxi ’l quddiem. Għalhekk nixtieq nisħaq fuq dan u nirringrazzja lill-Isqfijiet tal-Kanada għal din l-għaqda.
U taħt is-sinjal tat-tama seħħet l-aħħar laqgħa, fl-art tal-Inuit, ma’ żgħażagħ u anzjani. U niżgurakom li f’dawn il-laqgħat, fuq kollox l-aħħar waħda, stajt inħoss x’daqqa ta’ ħarta hu l-uġigħ ta’ dawk in-nies: l-anzjani li tilfu lil uliedhom u ma kinux jafu fejn spiċċaw, minħabba f’din il-politika ta’ assimilazzjoni. Kien mument ta’ għafsa ta’ qalb kbira, imma ridna naffaċċjawh: irridu naffaċċjaw dawn l-iżbalji tagħna, id-dnubiet tagħna. Anki fil-Kanada dan hu binomju-muftieħ, żgħażagħ u anzjani, hu sinjal taż-żminijiet: żgħażagħ u anzjani fi djalogu biex jimxu flimkien fl-istorja bejn memorja u profezija, li huma fi qbil ma’ xulxin. Ħa jkunu l-qawwa u l-azzjoni paċifika tal-popli indiġeni tal-Kanada ta’ eżempju għall-popli kollha indiġeni biex ma jingħalqux, imma joffru s-sehem indispensabbli tagħhom għal umanità iżjed fraterna, li tagħraf tħobb il-ħolqien u l-Ħallieq, f’armonija mal-ħolqien, f’armonija bejnietkom kollha.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard