Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Fis-silta tal-Evanġelju tal-Liturġija ta’ dan il-Ħadd, wieħed raġel jistaqsi lil Ġesù: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?” U l-Mulej iwieġeb: “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq” (Lq 13: 24). Il-Bieb id-dejjaq hu simbolu li aktarx ibeżżgħana, qisu li s-salvazzjoni hi biss għal xi ftit magħżulin jew għall-perfetti. Imma dan is-simbolu jikkontradixxi dak li għallimna Ġesù f’bosta okkażjonijiet oħra; infatti, ftit aktar ‘il quddiem hu jafferma: “jiġu mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla” (v. 23).  Għalhekk dal-bieb hu dejjaq, imma miftuħ għal kulħadd! Tinsewhx dan: għal kulħadd! Il-bieb miftuħ għal kulħadd!

Imma biex nifhmu aħjar dan il-bieb dejjaq, hemm bżonn nistaqsu x’inhu. Ġesù jġib it-tixbiha tal-ħajja fi żmienu u probabbilment qed jirreferi għall-fatt li, meta jasal filgħaxija, il-bibien tal-belt kienu jingħalqu u kien jibqa’ miftuħ wieħed biss, aktar żgħir u aktar dejjaq: biex wieħed jasal id-dar minn hemm biss seta’ jgħaddi.

Allura niftakru meta Ġesù jgħid: “Jien il-bieb: jekk xi ħadd jidħol permezz tiegħi jsalva” (Ġw 10:9). Irid jgħidilna li biex nidħlu fil-ħajja t’Alla, fis-salvazzjoni, jeħtieġ li ngħaddu permezz tiegħu, mhux bis-saħħa ta’ xi ħaddieħor, permezz tiegħu; nilqgħu lilu u Kelmtu. Kif biex wieħed jidħol il-belt kien jeħtieġlu “jeħodha” mal-uniku bieb dejjaq li kien ikun għadu miftuħ, bl-istess mod dik tan-Nisrani hi ħajja “mfassla” fuq Kristu”, imsejsa u ffurmata fuqu. Ifisser li l-qies hu Ġesù u l-Evanġelju tiegħu: mhux dak li naħsbu aħna, iżda dak li jgħid Hu. Allura dan hu bieb dejjaq mhux għax miftuħ għal xi ftit, le, imma għax biex inkunu ta’ Ġesù, ifisser li nimxu warajh, li l-impenn ta’ ħajjitna jkun l-imħabba, bil-qadi u l-għotja tagħna nfusna, kif għamel Hu, li għadda mill-bieb id-dejjaq tas-salib. Is-sehem fil-proġett tal-ħajja li jirrakkomandalna Alla jitlob minna li kemm nifilħu nċekknu l-wisa’ li nagħtu lill-egoiżmu, innaqqsu l-prużunzjoni tal-awtosuffiċjenza, niċċattjaw l-għoljiet tas-suppervja u l-kburija u ngħelbu l-għażż biex ngħaddu mir-riskju tal-imħabba, wkoll meta din iġġibilna ‘s-salib’.

Alla jitlob minna li kemm nifilħu nċekknu l-wisa’ li nagħtu lill-egoiżmu, innaqqsu l-prużunzjoni tal-awtosuffiċjenza, niċċattjaw l-għoljiet tas-suppervja u l-kburija u ngħelbu l-għażż biex ngħaddu mir-riskju tal-imħabba, wkoll meta din iġġibilna ‘s-salib’.

Biex inkunu konkreti ejjew niftakru fil-ġesti ta’ mħabba li b’diffikultà nagħmlu ta’ kuljum: niftakru fil-ġenituri li jiddedikaw ruħhom għal uliedhom bis-sagrifiċċji u billi jiċċaħdu minn ħinhom; f’dawk li jieħdu ħsieb l-oħrajn u mhux moħħhom biss fl-interessi tagħhom: kemm hawn nies hekk, tajbin; niftakru f’min jagħti ħajtu għall-qadi tal-anzjani, tal-aktar foqra u l-aktar fraġli; niftakru f’min jibqa’ jaħdem b’impenn, u jkollu jissaporti inkonvenjenzi u forsi wkoll ma jkunx mifhum; niftakru f’min isofri minħabba l-fidi, iżda jibqa’ jitlob u jħobb; niftakru f’dawk li, minflok jobdu l-istinti tagħhom iwieġbu għall-ħażen bit-tajjeb, isibu fihom il-qawwa biex jaħfru u l-kuraġġ biex jerġgħu jibdew mill-ġdid. Dawn huma xi ftit eżempji ta’ nies li ma jagħżlux il-bieb il-wiesa’ tal-kumditajiet personali, imma l-bieb id-dejjaq ta’ Ġesù, ħajja mogħtija għall-imħabba. Lil dawn, jgħidilna llum il-Mulej, il-Missier jagħrafhom ferm aktar minn dawk li jidhrilhom li diġà salvaw imma li, fir-realtà, fil-ħajja huma “operaturi tal-inġustizzja” (Lq 13:27).

Ħuti, aħna fuq liema naħa rridu nkunu? Nippreferu t-triq ħafifa li naħsbu biss għal rasna jew nagħżlu l-bieb id-dejjaq tal-Evanġelju, li jqiegħed fi kriżi l-egoiżmi tagħna imma jtina l-ħila li nilqgħu l-ħajja li tiġi minn Alla u li ttina l-ferħ? Fuq liema naħa ninsabu? Il-Madonna li mxiet wara Ġesù sas-salib, tgħinna nfasslu ħajjitna fuq tiegħu biex nidħlu fil-milja tal-ħajja li ma tintemmx.


Wara l-Angelus

Għeżież ħuti!

Qed insegwi mill-qrib bi tħassib u niket is-sitwazzjoni li nqalgħet fin-Nicaragua, li qed tolqot persuni u istituzzjonijiet. Nixtieq nesprimi l-konvinzjoni tiegħi u t-tama li permezz ta’ djalogu miftuħ u sinċier, għad jistgħu jinstabu s-sisien għal konvivenza paċifika u ta’ rispetta. Nitolbu l-Mulej, bl-interċessjoni tal-aktar safja, li jispira fil-qlub ta’ kulħadd din ir-rieda konkreta.

Ħuti, insellem lilkom, Rumani u pellegrini minn bosta pajjiżi: familji, gruppi  parrokkjali, assoċjazzjonijiet. Insellem partikolarment lill-komunità tal-Kulleġġ Pontifiċju Nord Amerikan, speċjalment lis-seminaristi ġodda li għadhom kif waslu, u nħeġġiġhom biex jimpenjaw ruħhom fl-ispiritwalità u l-fedeltà lejn l-Evanġelju u lejn il-Knisja. Insellem lin-nisa konsagrati tal-Ordo Virginum u ninkuraġġihom biex bil-ferħ ikunu xhieda tal-imħabba ta’ Kristu.

Insellem lill-fidili minn Verona, Trevignano, Pratissolo; liż-żgħażagħ minn Paternò, Lequile u li dawk tal-mixja ‘Via Lucis’ imweżnin mill-qaddisin “tal-bieb ta’ ħdejna”, se jiltaqgħu mal-foqra li jgħixu qrib l-istazzjonijiet tal-ferrovija. U nsellem ukoll lill-adoloxxenti tal-Immacolata.

Nibqgħu nipperseveraw fil-qrubija u t-talb għall-għażiż poplu Ukren li għaddej minn żmien ta’ krudeltà enormi.

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb, u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija. L-ikal t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org