• Nhar il-Ħamis 1 ta’ Diċembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ippresieda kunċert mill-Banda tal-Forzi Armati, organizzat mid-Dar tal-Providenza. 

    Fil-kunċert, il-Premju ‘Dun Mikiel Azzopardi’ għas-sena 2016 ingħata lil Dar il-Kaptan bħala turija ta’ rikonoxximent u apprezzament tad-Dar tal-Providenza għall-25 sena ta’ ħidma u impenn fil-komunità mit-twaqqif tagħha fl-10 ta’ Novembru 1991. Is-Sur Marcel Pisani irċieva l-premju f’isem Dar il-Kaptan.

    Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Katidral tal-Imdina
    1 ta’ Diċembru 2016

    Eċċellenza, Għażiża President u s-Sur Preca,
    Sħabi saċerdoti,

    Insellem b’mod speċjali lill-Ministru Abela u l-Kap Kmandant filwaqt li nirringrazzjahom ta’ din l-opportunità li aħna nisimgħu il-Banda tal-Forzi Armati li tawna l-melodiji straordinarji li jispirawna. Jiena se nagħmel ħsieb qasir ispirat propju minn din l-esperjenza ta’ sbuħija li għandna kif għaddejna minna.

    Insellem ukoll lill-Onorevoli Membri Parlamentari, persuni distinti b’mod speċjali anke l-Kapitlu Metropolitan.

    Ħin minnhom smajna armata ġejja mill-bogħod u tasal bil-frakass u bil-qawwa tagħha, dak li pprova jesprimi  Ottorino Respighi f’waħda mix-xeni taI-Pini di Roma. Ruma, kif tafu, hija mdawwra b’ħafna siġar taċ-ċipress u anke tal-prinjol bħal ma għandna aħna u telgħin is-Saqqajja, per eżempju, u l-Via Appia hija waħda minn dawn il-mumenti sbieħ ta’ arkeoloġija u pajjesaġistika Rumana li għandha dawn is-siġar u Ottorino Respighi jimmaġina l-armata ġejja mill-bogħod u tasal hemm bil-qawwa tagħha. 

    Il-Forzi Armati tagħna hija Banda simili u llum uriet il-qawwa tal-imħabba, il-qawwa tas-solidarjeta’. Mhix armata li ġejja biex timponi r-rieda tagħha, wara kollox diġà l-armata Rumana tfakkarna fi żmien it-twelid ta’ Ġesù, imma l-Forzi Armati tagħna b’dan il-ġest ta’ solidarjetà ta’ kull sena jurina wkoll il-qawwa tal-imħabba li tirbaħ kull vjolenza u kull mibgħeda. Jien nsellem ukoll il-Forzi Armati għal dak kollu li jagħmlu fil-Mediterran u fil-protezzjoni ċivili li huwa verament sinjal konkret ta’ solidarjetà. 

    Mill-vuċi sabiħa tal-Gunner Georg Zammit smajna dik l-aħħar frażi: “Canto alla Vita.”  Mument ta’ disperazzjoni mit-Tosca ta’ Puccini. Dan l-imbierek ikkundannat għall-mewt jaħseb fl-imħabba, fil-fatt ikkundannat għall-mewt imma jibqa’ jgħanni l-għanja tal-ħajja. 

    Ngħalaq billi nsellem b’mod speċjali lil Annabelle Xerri u l-messaġġ qawwi li tatna. Għaliex Annabelle, fil-persuna tiegħek inti l-isbaħ preparazzjoni għall-Milied din is-sena għax inti wkoll qed tistenna tarbija. 

    Fl-Avvent nitkellmu ħafna fuq li nisimgħu il-Kelma ta’ Alla imma inti għallimtna li s-smigħ tal-Kelma hija xi ħaġa tal-qalb, mhux tas-sensi imma tal-qalb!  Kif aħna nisimgħu il-Kelma ta’ Alla inti wkoll tisma’ il-Kelma ta’ Alla mhux bis-sensi imma bil-qalb. 

    Dan hu l-awguri tiegħi. Jalla, bħal Annabelle, aħna u nistennew lil Ġesù, nitgħallmu nisimgħu bil-qalb. Nirringrazzjakom ukoll tad-donazzjoni li se tagħtu. Hemm persuna li tirringrazzja lil kulħadd għax dak xogħolha u ħadd forsi ma jirringrazzjah.  Jien nixtieq nirringrazzjak Tonio Bonello għax inti parti mill-promozzjoni tad-Dar tal-Providenza.  Jekk immur xi ħaġa tad-Dar tal-Providenza u ma narakx ngħid hawn xi ħaġa li mhix sew illum. Nixtieq ngħidlek grazzi tad-dedikazzjoni kollha u anke permezz tiegħek lil Radju RTK u lil ħafna sponsors.

    Fl-aħħar tal-programm hemm l-appuntament li jmiss għall-ewwel ta’ Jannar imma qabel l-ewwel ta’ Jannar hemm l-Istrina. Dawn huma mumenti ta’ solidarjetà li juru verament il-qawwa sabiħa tal-imħabba.  Inkompluhom.

    Mill-qalb nawguralkom, l-Avvent sabiħ, fl-ispirtu sabiħ anke ta’ Annabelle u l-Milied ħieni u sena ġdida mimlija risq. Grazzi.


    ✠ Charles J. Scicluna     
         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Id-Dar tal-Providenza