L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fl-Evanġelju li għadna kemm smajna mħabbar f’din is-solennità għażiża ta’ Kristu Sultan tal-ħolqien kollu, il-Mulej m’għandu l-ebda ħjiel tad-dinjità regali ta’ din id-dinja. Hu bniedem ikkundannat għall-eħrex eżekuzzjoni: dik tas-salib. Il-kundanna tiegħu li għadda minnha kienet li jkun fgat imdendel mal-għuda. Fost dawk li kienu qegħdin iħarsu lejh umiljat, għall-għajnejn tad-dinja bla poter, għall-għajnejn ta’ niesu bla futur u bla qawwa, kien hemm il-kapijiet li bdew jiddieħku bih. Kien hemm is-suldati li fl-inkejja tagħhom jirrikonoxxuh b’ċertu ċiniżmu sultan. “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek inifsek!” (Lq 23:35). Għax it-titolus, il-kundanna tiegħu, il-kitba li kien hemm fuq rasu kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud (Lq 23:38).
Fid-djalogu bejn sħabu l-imsallbin l-oħra, li aħna nafuhom bħala ż-żewġ ħallelin, wieħed minnhom jgħarfu bħala sultan u jgħidlu: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek” (Lq 23:42). Dan il-ħalliel nafuh bħala l-ħalliel it-tajjeb. Kien hemm min jikkumenta tant kien ħalliel tajjeb li fl-aħħar ta’ ħajtu seraq il-ġenna wkoll. It-tradizzjoni tgħid li kien jismu Disma. Fl-aħħar nifsijiet ta’ ħajtu hu u jħares lejn Ġesù, jixtieq jissieħeb fis-saltna tiegħu: “Ftakar fija, meta tidħol fis-saltna tiegħek.”
Imma x’saltna tista’ tkun din li joffri bniedem ikkundannat għall-mewt? X’saltna tista’ tkun dik li joffrilek bniedem li ħa l-agħar tip ta’ kundanna għall-mewt possibbli, dik tal-iskjavi, dik tal-iżjed nies disprezzati! Mhijiex saltna li lil dan il-ħalliel se tagħtih il-maħfra mill-piena jew saltna fejn jista’ jgawdi l-ġid li fittex f’ħajtu b’mod inġust. U Ġesù jagħtih ir-risposta: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-ġenna miegħi” (Lq 23:43). Is-saltna li joffri s-sultan tagħna tmur lil hemm minn din il-ħajja imma tibda minn hawn.
Il-Knisja fil-prefazju, fit-talba kważi innu, li bih tibda t-talba Ewkaristika f’dan il-jum qaddis, titkellem dwar is-saltna ta’ Ġesù u ssemmi seba’ attributi: hi saltna ta’ verità u ħajja, saltna ta’ qdusija u grazzja, saltna ta’ ġustizzja, imħabba u sliem.
Nixtieq nieqaf illum anke fil-kuntest soċjali u attwali fuq l-ewwel żewġ attributi tas-saltna ta’ Ġesù: saltna li mhux biss għandha destin għal dejjem fil-ġenna imma tgħinna ngħixu ta’ nies hawnhekk fuq l-art.
Is-saltna ta’ Ġesù hi saltna ta’ verità u ħajja. U Ġesù msallab żgur mhuwiex dak li se jimponi fuqna l-għażliet tiegħu; mhuwiex dak li se jgħidilna: ‘ħa nbellgħalek ir-ross bil-labra u tagħmel bilfors dak li ngħidlek jien’. Għax dak li tana l-libertà bħala l-aqwa u l-ogħla sinjal tad-dinjità tal-bniedem flimkien mal-intelliġenza tiegħu, jirrispettaha l-libertà u jagħmel li l-intelliġenza tagħna tagħraf kif nużaw tajjeb il-libertà tagħna. Il-Mulej hu u jirrispettana kif ħalaqna mhu se jimponi ruħu qatt fuqna imma l-proposta tiegħu hi ta’ verità u ta’ ħajja.
Is-soċjetà qiegħda f’mument importanti ħafna meta l-Istat qed iressaq u l-Gvern tal-ġurnata se jressaq quddiem il-Parlament leġislazzjoni li taffettwa sitwazzjonijiet diffiċli ħafna li jitolbu għad-dinjità tal-mara, għall-ħarsien tal-ħajja tagħha, għas-serħan il-moħħ tal-professjoni medika, kelma ċara, preċiża u ta’ konfort. Dan hu kontribut li jista’ jkun ta’ ġid biex min jiġi hawnhekk jiċċelebra xi tqala u jsib ruħu f’diffikultajiet, ikollu risposta ċara fil-parametri tar-rispett tal-ħajja u tad-dinjità tal-bniedem.
Aħna bħala soċjetà, bħala Knisja, għandna d-dover inkunu ta’ sostenn u ta’ sapport għall-mara, b’mod speċjali meta ssib ruħha f’diffikultajiet u f’sitwazzjoni diffiċli. Hu dover tagħna u rridu nagħtu kont ta’ kif nittrattaw il-mara
Ħalli nagħmluha ċara. It-tagħlim tal-Knisja favur il-ħajja la hu għall-bejgħ u lanqas qiegħed biex inraħħsuh. Veru qegħdin fl-istaġun tar-roħs imma t-tagħlim favur il-ħajja mit-tnissil tal-bniedem sal-mewt naturali tal-bniedem mhuwiex suġġett ta’ negozjati.
Aħna rridu nsellmu lin-nisa li jkunu jinsabu f’diffikultà.
Il-Papa Franġisku fl-2013 ħareġ id-dokument programmatiku għall-pontifikat tiegħu: ‘Il-Ferħ tal-Evanġelju, Evangelii Gaudium’ u fil-paragrafu 209 jgħid hekk: “Ġesù, l-evanġelizzatur per eċċellenza u l-istess Vanġelu, jidentifika ruħu b’mod speċjali mal-foqra (ara Mt 25:40). Dan ifakkarna li aħna lkoll bħala Nsara msejħa nieħdu ħsieb ta’ dawk l-iżjed dgħajfa fid-dinja”. U l-Papa jsemmi ftit kategoriji ta’ foqra f’dan id-dokument u għalhekk wieħed jirrifletti fuq l-għażla li għamel li jikkumenta fit-tul fuq dawn il-kategoriji. Il-ħsieb tiegħu jmur fuq il-mara.
Fil-paragrafu 212 kiteb hekk il-Papa Franġisku: “Doppjament foqra huma n-nisa li qed ibatu minn sitwazzjoni ta’ esklużjoni, trattament ħażin jew vjolenza, għax spiss isibu ruħhom fi ftit li xejn possibbiltajiet biex jiddifendu l-jeddijiet tagħhom. Minkejja dan, fosthom xorta qegħdin kontinwament insibu l-aktar ġesti ammirevoli ta’ eroiżmu tal-ħajja ta’ kuljum fid-difiża u l-għożża tad-dgħufija tal-familji tagħhom.”
Aħna bħala soċjetà, bħala Knisja, għandna d-dover inkunu ta’ sostenn u ta’ sapport għall-mara, b’mod speċjali meta ssib ruħha f’diffikultajiet u f’sitwazzjoni diffiċli. Hu dover tagħna u rridu nagħtu kont ta’ kif nittrattaw il-mara. Meta nara l-aħbarijiet dwar pajjiżi mbiegħda li jċaħħdu lit-tfajliet mill-edukazzjoni, li jeskluduhom mir-responsabiltajiet, u jgħidu dan f’isem Alla, ma nafx liema Alla hu, jiddispjaċini ngħid. Qalbi timtela bi swied il-qalb. Insewwed qalbi, li fis-seklu 21 fid-dinja, għad hawn soċjetajiet fejn il-mara trid titħabat biex tifla tkun tista’ tmur l-iskola.
Il-Papa jikellem ukoll dwar foqra oħra: “Fost dawn id-dgħajfin, li l-Knisja b’għożża kbira tixtieq tieħu ħsieb tagħhom, hemm anki t-trabi li għadhom fil-ġuf, li huma l-aktar innoċenti u ma jistgħux jiddefendu ruħhom, li llum il-ġurnata hemm min jixtieq iċaħħadhom mid-dinjità umana biex jista’ jagħmel bihom dak li jogħġbu, jisirqilhom ħajjithom u jirsisti li jsiru liġijiet biex ħadd ma jista’ jwaqqfu.
“Spiss, biex iwaqqa’ għaċ-ċajt id-difiża tal-Knisja favur il-ħajja tat-trabi fil-ġuf, dak li jkun jipprova jippreżenta l-pożizzjoni tagħha bħala ideoloġika, mudlama u konservattiva. Imma dan il-ħarsien tal-ħajja fil-ġuf hu marbut mill-qrib mal-ħarsien ta’ kull jedd uman ieħor.
“Jinbena fuq il-konvinzjoni li kull ħajja umana hi dejjem sagra u invjolabbli, f’kull sitwazzjoni u f’kull fażi tal-iżvilupp tagħha. Hu għan fih innifsu u qatt mhu mezz biex jissolvew diffikultajiet oħrajn. Jekk titmermer din il-konvinzjoni, ma jifdalx pedamenti sodi u permanenti għall-ħarsien tad-drittijiet umani, li jispiċċaw dejjem suġġetti għall-konvenjenzi li jinbidlu skont il-bżonn ta’ min ikun fil-poter.
“Ir-raġuni waħidha hi biżżejjed biex tgħinna nagħrfu l-valur invjolabbli ta’ kull ħajja umana, imma jekk inħarsu lejha mill-għajnejn tal-fidi,” il-Papa jgħid, “kull tkasbir tad-dinjità tal-persuna tal-bniedem jitlob vendetta quddiem Alla, u għandu jitqies bħala offiża magħmula lil Alla li ħalaq il-bniedem” (176).
Nitlob f’isem Alla li ma nbexxqu l-ebda bieb b’xi klawsola jew oħra li tista’ tiġi mgħawġa biex minflok nagħmlu l-eċċezzjoni, u l-eċċezzjoni ssir regola.
“Propju għax hi kwistjoni li għandha x’taqsam mal-koerenza ġewwinija tal-messaġġ tagħna fuq il-valur tal-persuna umana, m’għandniex nistennew li l-Knisja ħa tibdel il-pożizzjoni tagħha fuq dan l-argument. Nixtieq inkun għalkollox onest fuq hekk,” jgħid il-Papa Franġisku.
“Dan mhux argument suġġett għal xi għamla ta’ riformi jew “modernizzazzjoni”. Ma tkunx progressista jekk tippretendi li tista’ ssolvi l-problemi billi teqred ħajja umana. Imma hu wkoll minnu li ftit għadna għamilna biex insieħbu b’mod xieraq lin-nisa li jsibu ruħhom f’qagħdiet tassew iebsa, fejn l-abort donnu jidher quddiemhom bħala s-soluzzjoni ta’ malajr għas-sens qawwi ta’ ħtija li jkollhom, partikularment meta l-ħajja li tkun qed tikber fihom tkun tnisslet frott ta’ xi vjolenza jew f’kuntest ta’ faqar estrem. Min jista’ ma jifhimx sitwazzjonijiet ta’ wġigħ il-qalb bħal dawn?” (214).
Jiena u napprezza l-isforzi tal-awtoritajiet tagħna biex jagħtu kelma ċara ta’ konfort u ta’ sostenn għall-professjoni medika, nitlob f’isem Alla li ma nbexxqu l-ebda bieb b’xi klawsola jew oħra li tista’ tiġi mgħawġa biex minflok nagħmlu l-eċċezzjoni, l-eċċezzjoni ssir regola. Jekk inbexxqu l-bieb għall-abort inkunu għamilna għażla u l-kelma tal-liġi kif tista’ ddawwal u tfejjaq tista’ wkoll tkun ferita li tferi u tikkundannana.
Nitlob ħafna għal min għandu s-setgħa, għall-Parlament tagħna, biex kull min għandu r-responsabbiltà kbira u tremenda quddiem Alla, jagħżel kliem ta’ għerf, jisma’ l-leħen tas-soċjetà. Aħna nassiguraw djalogu leali, rispettuż imma fuq ċerti prinċipji m’aħniex qegħdin għall-bejgħ. U allura nitgħallmu wkoll mill-esperjenza ta’ pajjiżi oħra fejn ftit kliem fetħu bieb beraħ. Fl-1967 fl-Ingilterra daħħlu l-possibbiltà li toqtol tarbija jekk l-omm tkun f’kundizzjoni medika serja. Illum ir-riżultat hu 10 miljun tarbija maqtula minn dawk il-ftit kliem fil-liġi. Min jgħid li l-kelma ma toqtolx? 10 miljuni!
Il-Mulej jagħtina d-dawl, jagħtina wkoll il-kuraġġ u sens kbir ta’ responsabbiltà, għax jekk trid tiddefendi l-mara, ifhem li kull mara twieldet imnissla fil-ġuf, bħalma huma l-parlamentari li se jiddeċiedu. Jiena magħkom, aħna lkoll bdejna bit-tnissil fil-ġuf, qed ingawdu d-deċiżjoni ta’ min ġabna fid-dinja li ngħixu. Min aħna aħna biex inċaħħduh lil uliedna?
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari taċ-ċelebrazzjoni
Salm I: 109 (110) 1-5.7
Salm II: 144 (145) 1-13
Kantiku I: Apok. 19:1-2,5-7
Qari I: Lhud 4:14-16
L-Evanġelju: Lq 23:35-43
Kantiku I: Lq 1:47-55