Ir-regolamenti għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta għas-sena skolastika 2023-2024 jinsabu fuq il-websajt tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Ir-regolamenti għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex se jkunu online sal-25 ta’ Novembru 2022.

B’kollox ser ikun hemm 1,852 post vakanti għall-istudenti (1,601 f’Malta u 251 f’Għawdex). L-applikazzjonijiet se jsiru kollha online. L-applikazzjonijiet tal-‘Ewwel Kriterju’ għal Malta jsiru bejn l-24 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru 2022 waqt li dawk għal Għawdex ikunu bejn id-9 ta’ Diċembru u l-15 ta’ Diċembru 2022.

L-applikazzjonijiet tal-‘Applikanti l-Oħra’ jintlaqgħu bejn l-1 u l-14 ta’ Frar 2023. Il-lista tad-dokumenti meħtieġa, il-ġranet meta wieħed għandu japplika u dettalji oħra huma mniżżla fir-regolamenti.

Il-proċess tad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta jiddetermina d-dħul fl-ewwel u t-tieni sena kindergarten, fl-ewwel sena primarja u fl-ewwel sena sekondarja. Din is-sena hemm ukoll dħul fir-raba’ sena primarja fl-iskola tal-bniet ta’ St Monica, il-Gżira.

L-applikazzjonijiet tal-‘Ewwel Kriterju’ f’Malta jinkludu tfal li huma fi djar tal-Knisja, tfal tal-impjegati tal-iskejjel tal-Knisja u tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija, aħwa li jistgħu jinkitbu fl-istess skola ta’ ħuthom, transfers bejn skejjel tal-istess entità reliġjuża, u tfal li qegħdin fi skejjel tal-Knisja bla kontinwità.

Ser jiġu allokati wkoll numru ta’ postijiet għal tfal li jaqgħu taħt il-kriterju ta’ każijiet serji u li għalihom hemm regolamenti speċifiċi. Il-każijiet serji jinkludu tfal li għandhom jew ser ikollhom bżonn l-għajnuna ta’ LSE, każijiet soċjali u każijiet ta’ tfal li qed ifittxu ażil. Il-każijiet serji jsegwu proċess parallel għall-applikazzjonijiet l-oħra.

Il-proċess tad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex jiddetermina d-dħul fl-ewwel sena kindergarten u fl-ewwel sena sekondarja. L-applikazzjonijiet tal-‘Ewwel Kriterju’ f’Għawdex jinkludu tfal li qegħdin fis-sitt sena primarja fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex, tfal tal-impjegati tal-iskejjel tal-Knisja, aħwa li jistgħu jinkitbu fl-istess skola ta’ ħuthom, każijiet soċjali, każijiet ta’ tfal li qed ifittxu ażil, applikanti mill-Għasri, u applikanti għal St Francis Nadur Kindergarten. Applikanti li għandhom bżonn l-għajnuna ta’ LSE ta’ dawn il-kriterji japplikaw skont r-Regolamenti tad-Dħul f’Għawdex.

In-numru ta’ postijiet vakanti għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta għas-sena skolastika
2023-2024 huwa kif ġej:

Sena /MALTAPostijiet
Vakanti
Subien
Postijiet
Vakanti
Bniet
Total
Postijiet
Vakanti
L-ewwel sena kindergarten 95 85 180
It-tieni sena kindergarten 95 362 457
L-ewwel sena primarja 359 227 586
Ir-raba sena primarja 0 25 25
L-ewwel sena sekondarja 264 89 353
TOTAL 813 788 1,601

In-numru ta’ postijiet vakanti għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex għas-sena skolastika 2023-2024 huwa kif ġej:

Sena / Għawdex
Postijiet
Vakanti
Subien
Postijiet
Vakanti
Bniet
Total
Postijiet
Vakanti
Lewwel sena kindergarten 

108
Lewwel sena sekondarja  71 72 143
TOTAL

251

Dħul fl-iskejjel tal-Knisja fl-2022

Għas-sena skolastika preżenti (2022-2023), is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija rċieva 3,719 applikazzjoni għal 1,725 post vakanti f’diversi livelli tad-dħul għal skejjel f’Malta. Għal darboħra, it-talba kienet aktar mid-doppju tal-postijiet disponibbli fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta. Is-Segretarjat irċieva wkoll 324 applikazzjoni għal 248 post vakanti għall-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex. Il-poloz u l-għażla tal-iskola saru online.