Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum qed niċċelebraw il-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej u l-Evanġelju jippreżentalna xena inkredibbli: hija l-ewwel darba li Ġesù qed jidher fil-pubbliku wara ħajja moħbija f’Nazaret; jasal fuq xatt ix-xmara Ġordan biex jitgħammed minn Ġwanni (Mt 3, 13-17). Kien rit li bih in-nies kienu jindmu u jieħdu l-impenn li jikkonvertu; innu liturġiku jgħid li l-poplu kien imur biex jitgħammed “b’ruħ għerja u saqajn ħafja” – ruħ miftuħa, għerja, bla xejn mistur – jiġifieri bl-umiltà, b’qalb trasparenti. Imma, meta naraw lil Ġesù jitħallat mal-għajta tal-midinbin nibqgħu b’ħalqna miftuħ u jiġi li nistaqsu: għaliex għamel din l-għażla Ġesù? Hu, li Hu l-Qaddis t’Alla, Iben Alla bla dnub, għaliex għamel din l-għażla? It-tweġiba nsibuha f’dak li Ġesù jgħid lil Ġwanni: “Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu biex intemmu s-sewwa kollu” (v. 15). X’jiġifieri ntemmu s-sewwa kollu?
Ġesù juri x’inhi l-ġustizzja t’Alla bil-magħmudija tiegħu, dik il-ġustizzja li Hu ġie jġib fid-dinja. Ħafna drabi aħna għandna idea dejqa wisq ta’ x’inhi l-ġustizzja u naħsbu li tfisser: min jiżbalja jħallas u b’hekk ikun ħa kastig għad-deni li jkun wettaq. Imma kif tgħallimna l-Iskrittura, il-ġustizzja t’Alla hi ferm akbar; l-għan tagħha mhux li tikkundanna lill-ħati, imma li ssalvah, twelldu mill-ġdid, tagħmlu ġust; minn inġust isir ġust. Hi ġustizzja frott tal-imħabba, minn dawk il-vixxri ta’ kumpassjoni u ħniena li huma l-istess qalb ta’ Alla, Missier li jitqanqal meta jarana mgħakksin mill-ħażen u nogħtru taħt il-piż tad-dnubiet u tad-dgħufija. Għalhekk, il-ġustizzja t’Alla mhix li tqassam il-pieni u l-kastigi imma, kif jafferma l-Appostlu Pawlu, hi li lilna uliedu tagħmilna ġusti (cfr Rum 3, 22-31), teħlisna mill-irbit tal-ħażen, tfejjaqna, terġa’ tqajjimna fuq tagħna. Il-Mulej qatt mhu lest biex jikkastigana, imma jnewlilna jdejh biex jgħinna nerġgħu nqumu. U hekk nifhmu li, fuq ix-xatt tal-Ġordan, Ġesù jurina s-sens tal-missjoni tiegħu: Hu ġie biex iwettaq il-ġustizzja divina, li hi s-salvazzjoni tal-midinbin; ġie biex jieħu fuq spallejh id-dnub tad-dinja u biex jinżel fil-qiegħ tal-abbissi tal-ilmijiet, tal-mewt, biex jirhana u ma jħalliniex ngħerqu. Illum Hu jurina li l-veru ġustizzja ta’ Alla hi l-ħniena li ssalva. Aħna nibżgħu naħsbu li Alla hu mimli ħniena, imma Alla hu ħniena, għax il-ġustizzja tiegħu hi propju l-ħniena li ssalva, hi l-imħabba li hu jaqsam mal-kundizzjoni umana tagħna, jinżel qribna, solidali man-niket tagħna, jidħol fid-dlamijiet tagħna biex jerġa’ jtihom id-dawl.
Benedittu XVI kien afferma illi “Alla ried isalvana billi hu stess niżel sal-qiegħ nett tal-abbissi tal-mewt sabiex kull bniedem, anki dak li waqa’ tant fil-baxx li ma baqax jara s-sema, jkun jista’ jsib l-id ta’ Alla biex jiggranfa magħha u jerġa’ jqum mid-dlam ħalli jara d-dawl li kien imħejji għalih” (Omelija, 13 ta’ Jannar, 2008).
Ħuti, aħna nibżgħu naħsbu f’ġustizzja tant ħanina. Ejjew nibqgħu mexjin ‘il quddiem: Alla hu ħniena. Il-ġustizzja tiegħu jisimha ħniena. Inħalluh jaqbadna minn idejna. Aħna lkoll, dixxipli ta’ Ġesù, imsejħin biex il-ġustizzja nħaddmuha bl-istess mod fir-relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn, fil-Knisja, fis-soċjetà; mhux bl-ebusija ta’ min jiġġudika u jikkundanna u jifred lill-bnedmin bejn tajbin u ħżiena, imma bil-ħniena ta’ min jilqa’ u jempatizza mal-ġrieħi u d-dgħufijiet ta’ ħutu biex jerġgħu jqumu. Irrid inpoġġieha hekk: mhux jifred imma jaqsam ma’ dak li jkun. Mhux jifred imma jaqsam. Ejjew nagħmlu bħal Ġesù: naqsmu mal-oħrajn, naqsmu l-piż mal-oħrajn minflok inqassu u nkissru, inħarsu lejn xulxin bil-kumpassjoni, ngħinu lil xulxin. Nistaqsu: jien persuna li tifred jew li tempatizza? Naħsbu ftit: jien dixxiplu tal-imħabba ta’ Alla jew dixxiplu tat-tqassis li jifred? Is-seksik hu arma li toqtol: toqtol, toqtol l-imħabba, toqtol is-soċjetà, toqtol il-fratellanza. Nistaqsu: jien persuna li tifred jew persuna li tempatizza?
U issa nitolbu lill-Madonna, li ġabet fid-dinja lil Ġesù u waħħditu mad-dgħufijiet tagħna biex aħna nerġgħu niksbu l-ħajja.
Sors: laikos.org