Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba lkoll!
L-Erbgħa li għaddiet bdejna serje ġdida ta’ katekeżi fuq il-passjoni tal-evanġelizzazzjoni, jiġifieri fuq iż-żelu appostoliku li għandu jħeġġeġ lill-Knisja u lil kull Nisrani. Illum ejjew inħarsu lejn il-mudell insuperabbli tat-tħabbira: Ġesù. Il-Vanġelu ta’ nhar il-Milied sejjaħlu l-“Verb ta’ Alla” (ara Ġw 1:1). Il-fatt li huwa l-Verb, jew aħjar il-Kelma, jurina aspett essenzjali ta’ Ġesù: hu dejjem f’relazzjoni, fi ħruġ, qatt iżolat, dejjem f’relazzjoni, fi ħruġ; fil-fatt, il-kelma teżisti biex tiġi trasmessa, ikkomunikata. Hekk huwa Ġesù, Kelma eterna tal-Missier imlissna lilna, ikkomunikata lilna. Kristu mhux biss għandu l-kliem tal-ħajja, imma jagħmel minn ħajtu Kelma, messaġġ: jiġifieri huwa jgħix dejjem miftuħ għall-Missier u għalina. Iħares dejjem lejn il-Missier li bagħtu u jħares lejna li għandna hu ġie mibgħut.
Jekk fil-fatt inħarsu lejn il-ġranet tiegħu, imfissra fil-Vanġeli, naraw li fl-ewwel post hemm l-intimità mal-Missier, it-talb, u għalhekk Ġesù kien iqum kmieni filgħodu, meta kien ikun għadu d-dlam, u kien imur f’postijiet maqtugħin biex jitlob (ara Mk 1:35; Lq 4:42), biex jitkellem mal-Missier. Id-deċiżjonijiet u l-għażliet kollha l-aktar importanti jeħodhom wara li jkun talab (ara Lq 6:12; 9:18). Proprju f’din ir-relazzjoni, fit-talb li jorbtu mal-Missier fl-Ispirtu, Ġesù jiskopri s-sens ta’ għalfejn hu bniedem, tal-ħajja tiegħu fid-dinja, għax hu f’missjoni għalina, mibgħut għandna mill-Missier.
Hawnhekk hu interessanti l-ewwel ġest pubbliku li hu jwettaq, wara s-snin tal-ħajja moħbija f’Nazaret. Ġesù ma jagħmel ebda miraklu kbir, ma jniedi ebda messaġġ ta’ barra minn hawn, imma jitħallat man-nies li kienu jmorru jitgħammdu mingħand Ġwanni. Hekk joffrilna l-muftieħ tal-aġir tiegħu fid-dinja: jingħata għall-midinbin, isir solidali magħna mingħajr ma jżomm distanzi, fil-qsim totali tal-ħajja. Fil-fatt, huwa u jitkellem fuq il-missjoni tiegħu, hu jgħid li “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u jagħti ħajtu” (Mk 10:45). Kuljum, wara t-talb, Ġesù jiddedika l-jum kollu tiegħu għax-xandir tas-Saltna ta’ Alla u jiddedikaha għall-persuni, fuq kollox għall-iżjed foqra u dgħajfa, għall-midinbin u għall-morda (ara Mk 1:32-39). Allura Ġesù hu f’kuntatt mal-Missier fit-talb u mbagħad hu f’kuntatt man-nies kollha għall-missjoni, għall-katekeżi, biex jgħallimhom it-triq tas-Saltna ta’ Alla.
Issa, jekk irridu nirrappreżentaw fi xbieha l-istil ta’ ħajtu, ma għandniex diffikultà biex insibuha: Ġesù nnifsu joffrihielna, smajnieh, xħin jitkellem fuqu nnifsu bħala r-Ragħaj it-tajjeb, dak li – jgħid – “jagħti ħajtu għan-nagħaġ” (Ġw 10:11), dan hu Ġesù. Fil-fatt, dak ta’ ragħaj ma kienx biss xogħol, li kien jitlob il-ħin u ħafna impenn; kien mod veru u proprju ta’ ħajja: 24 siegħa kuljum, jgħix mal-merħla, jeħodha fil-mergħat, jorqod qalb in-nagħaġ, jieħu ħsieb ta’ dawk l-iżjed dgħajfa. Fi kliem ieħor, Ġesù mhux ħaġa jagħmel għalina, imma jagħti kollox, jagħti ħajtu għalina. Tiegħu hi qalb ta’ ragħaj (ara Eżek 34:15). Huwa ragħaj magħna lkoll.
Fil-fatt, biex niġbru f’kelma waħda l-azzjoni tal-Knisja spiss nużaw it-terminu “pastorali”. U biex nivvalutaw il-pastorali tagħna, irridu nikkonfrontaw ruħna mal-mudell, nipparagunaw ruħna ma’ Ġesù, Ġesù r-Ragħaj it-tajjeb. Qabelxejn nistgħu nistaqsu lilna nfusna: qed nixbhuh billi nixorbu mill-għejun tat-talb, biex il-qalb tagħna tkun f’sintonija ma’ tiegħu? L-intimità miegħu hi, kif jissuġġerixxi l-volum sabiħ tal-Abbati Chautard, “ir-ruħ ta’ kull appostolat”. Ġesù nnifsu dan qalu ċar u tond lid-dixxipli tiegħu: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5). Jekk noqogħdu ma’ Ġesù niskopru li l-qalb pastorali tiegħu tħabbat dejjem għal min hu maħrub, mitluf, imbiegħed. U tagħna? Kemm drabi l-atteġġjament tagħna ma’ dawk li huma xi ftit diffiċli jew diffikultużi jesprimi ruħu b’dawn il-kelmiet: “Imma dik problema tiegħu, ħa jirranġa hu…”. Imma Ġesù qatt ma qal dan, qatt, imma dejjem iltaqa’ mal-emarġinati kollha, mal-midinbin. Kien akkużat b’dan, li joqgħod mal-midinbin, proprju għax wasslilhom is-salvazzjoni ta’ Alla.
Smajna l-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa, li hemm fil-kapitlu 15 tal-Vanġelu ta’ Luqa (ara vv. 4-7). Ġesù jitkellem ukoll fuq il-munita l-mitlufa u fuq l-iben il-ħali. Jekk irridu nitħarrġu fiż-żelu appostoliku, il-kapitlu 15 ta’ Luqa dejjem għandna nżommuh quddiem għajnejna. Aqrawh ta’ spiss, hemmhekk nistgħu nifhmu x’inhu ż-żelu appostoliku. Hemmhekk niskopru li Alla ma joqgħodx jikkontempla kemm ħa jtellgħu għoli l-ħajt tan-nagħġiet tiegħu u lanqas jheddidhom biex ma jitilqux. Pjuttost, jekk waħda toħroġ u tintilef, ma jabbandunahiex, imma jmur ifittixha. Ma jgħidx: “Hi marret, tort tagħha, affari tagħha!”. Il-qalb pastorali ta’ ragħaj tirreaġixxi b’mod ieħor: il-qalb pastorali tbati, il-qalb pastorali tirriskja. Tbati: iva, Alla jbati jara lil min jitlaq u, waqt li jibkih, iħobbu iżjed. Il-Mulej ibati meta nitbiegħdu minn qalbu. Ibati għal dawk li ma jafux il-ġmiel ta’ mħabbtu u s-sħana tat-tgħanniqa tiegħu. Imma, bi tweġiba għal din it-tbatija, ma jagħlaqx qalbu, imma jirriskja: iħalli d-99 nagħġa l-oħra li jinsabu fiż-żgur u joħroġ ifittex l-unika waħda li ntilfet, u hekk jagħmel xi ħaġa azzardata ħafna u anki irrazzjonali, imma li taqbel mal-qalb pastorali tiegħu, li għandha nostalġija ta’ min telaq. In-nostalġija għal dawk li telqu hi kontinwa f’Ġesù. U meta nisimgħu li xi ħadd ħalla l-Knisja, x’ngħidu? “Jagħmel hu”. Le, Ġesù jgħallimna n-nostalġija ta’ dawk li telqu; Ġesù ma jirrabjax jew jinkorla, imma għandu nostalġija kbira tagħna. Ġesù għandu nostalġija tagħna u dan hu ż-żelu ta’ Alla.
U jien nistaqsi: aħna, għandna sentimenti simili? Forsi naraw bħala avversarji jew għedewwa lil dawk li ħallew il-merħla. “U dan? – Le, telaq band’oħra, tilef il-fidi, hemm l-infern jistennieh…”, u noqogħdu trankwilli. Meta niltaqgħu magħhom l-iskola, fuq ix-xogħol, fit-toroq tal-belt, għaliex ma naħsbux minflok li għandna okkażjoni mill-isbaħ biex nagħtuhom xhieda tal-ferħ ta’ Missier li jħobbhom u li qatt ma nesiehom? Mhux biex nagħmlu proselitiżmu, le! Imma ħa taslilhom il-Kelma tal-Missier, biex nimxu flimkien. Nevanġelizzaw ma jfissirx nagħmlu proselitiżmu: li nagħmlu proselitiżmu hi ħaġa pagana mhux reliġjuża u lanqas evanġelika. Hemm kelma tajba għal dawk li ħallew il-merħla u aħna għandna l-unur u l-piż li nkunu aħna li nwassluha u ngħiduha dik il-kelma. Għax il-Kelma, Ġesù, qed titlob minna dan, li nersqu dejjem qrib, bil-qalb miftuħa, lejn kulħadd, għax hu hekk magħmul. Forsi ilna nsegwu u nħobbu lil Ġesù żmien twil imma qatt ma staqsejna lilna nfusna jekk għandniex is-sentimenti tiegħu, jekk inbatux jew nirriskjawx f’sintonija mal-qalb ta’ Ġesù, b’din il-qalb ta’ ragħaj, pastorali, qrib tal-qalb pastorali ta’ Ġesù! Dan mhux proselitiżmu, għidtilkom, biex l-oħrajn ikunu “minn tagħna”, le, dik mhix ħaġa Nisranija: irridu nħobbuhom biex ikunu wlied hienja ta’ Alla. Fit-talb ejjew nitolbu l-grazzja ta’ qalb pastorali, miftuħa, li tkun qrib ta’ kulħadd, biex inwasslu l-messaġġ tal-Mulej u anki nħossu għal kull persuna n-nostalġija ta’ Kristu. Għax, il-ħajja tagħna mingħajr din l-imħabba li tbati u tirriskja, ma tkunx sew: jekk aħna l-Insara ma għandniex din l-imħabba li tbati u tirriskja, nirriskjaw li nirgħu biss lilna nfusna. Ir-ragħajja li huma ragħajja tagħhom infushom, flok ma jkunu ragħajja tal-merħla, joqogħdu jomxtu lin-nagħġiet. Ma għandniex inkunu ragħajja tagħna nfusna, imma ragħajja ta’ kulħadd.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard