Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Inkomplu bil-katekeżijiet fuq il-passjoni għall-evanġelizzazzjoni: mhux biss fuq l-“evanġelizzazzjoni” imma fuq il-passjoni għall-evanġelizzazzjoni, u, fl-iskola tal-Konċilju Vatikan II, infittxu li nifhmu aħjar xi jfisser inkunu “appostli” llum. Il-kelma “appostlu” tfakkarna fil-grupp tat-Tnax-il dixxiplu magħżula minn Ġesù. Xi kultant insejħu “appostlu” lil xi qaddis, jew b’mod iżjed ġenerali lill-Isqfijiet: huma appostli, għax joħorġu f’isem Ġesù. Imma nafu aħna illi li tkun appostlu hi ħaġa ta’ kull Nisrani? Nafu li tmiss lil kull wieħed u waħda minna? Fil-fatt, aħna msejħin biex inkunu appostli – jiġifieri mibgħutin – fi Knisja li fil-Kredu nistqarruha bħala appostolika.
Allura xi jfisser li nkunu appostli? Ifisser li nkun mibgħut għal missjoni. Eżemplari u fundamentali hi l-ġrajja li fiha Kristu Rxoxt jibgħat l-Appostli tiegħu fid-dinja, u jagħtihom is-setgħa li hu stess irċieva mingħand il-Missier kif ukoll l-Ispirtu tiegħu. Fil-Vanġelu ta’ Ġwanni naqraw: “Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: ‘Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom’. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: ‘Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma’” (20:21-22).
Aspett ieħor fundamentali ta’ min hu appostlu hi l-vokazzjoni, jiġifieri s-sejħa. Hekk kien sa mill-bidu, meta l-Mulej Ġesù “sejjaħ lejh lil dawk li ried [u] huma resqu lejh” (Mk 3:13). Għamilhom grupp, u tahom it-titlu ta’ “appostli”, biex joqogħdu miegħu u biex jibgħathom f’missjoni (ara Mk 3:14; Mt 10:1-42). San Pawl fl-ittri tiegħu jippreżenta ruħu hekk: “Pawlu, li Alla ried isejjaħlu biex ikun appostlu”, jiġifieri mibgħut (1 Kor 1:1), u mill-ġdid: “Pawlu, qaddej ta’ Kristu Ġesù, imsejjaħ biex ikun appostlu, maħtur għall-Evanġelju ta’ Alla”. U jisħaq fuq il-fatt li hu “appostlu, mhux mill-bnedmin jew permezz tal-bniedem, iżda permezz ta’ Ġesù Kristu u ta’ Alla l-Missier li qajmu mill-imwiet” (Gal 1:1); Alla sejjaħlu sa minn ġuf ommu biex iħabbar il-Vanġelu lill-ġnus (ara Gal 1:15-16).
L-esperjenza tat-Tnax-il Appostlu u x-xhieda ta’ Pawlu jisfidaw lilna wkoll illum. Jistednuna nivverifikaw l-atteġġjamenti tagħna, nivverifikaw l-għażliet tagħna, id-deċiżjonijiet tagħna, imsejsa fuq dawn il-punti sodi: kollox jiddependi minn sejħa b’xejn ta’ Alla; Alla jagħżilna wkoll għal qadi li xi drabi jidher ’il fuq mill-ħiliet tagħna jew ma jikkorrispondix mal-aspettattivi tagħna; għas-sejħa li rċivejna bħala don b’xejn jeħtieġ inwieġbu b’xejn.
Jgħid il-Konċilju: “Is-sejħa Nisranija hija […] min-natura tagħha sejħa wkoll għall-appostolat” (Digriet Apostolicam actuositatem [AA], 2). Din hi sejħa komuni, kif “komuni għal kulħadd hija d-dinjità tal-membri mit-twelid mill-ġdid fi Kristu, komuni l-grazzja ta’ wlied, komuni s-sejħa għall-perfezzjoni waħda, tama waħda u l-imħabba bla firda” (LG, 32).
Hi sejħa li tmiss kemm lil dawk li rċivew is-sagrament tal-Ordni, kemm lill-persuni kkonsagrati, kemm lil kull fidil lajk, raġel jew mara, hi sejħa għal kulħadd. Int, it-teżor li rċivejt bil-vokazzjoni Nisranija tiegħek, trid tagħtih: din hi d-dinamiċità tal-vokazzjoni, hija d-dinamiċità tal-ħajja. Hi sejħa li tgħinna nwettqu b’mod attiv u kreattiv il-ħidma appostolika tagħna, fi ħdan Knisja li fiha “hemm ministeri differenti iżda l-missjoni hija waħda. Lill-Appostli u lis-suċċessuri tagħhom ingħata minn Kristu d-dmir li, f’ismu u bis-setgħa tiegħu, jgħallmu, iqaddsu u jiggvernaw. Iżda l-lajċi, li ngħataw sehem mill-uffiċċju saċerdotali, profetiku u rjali ta’ Kristu, jagħtu sehem proprju tagħhom fil-missjoni tal-Poplu kollu ta’ Alla fil-Knisja u fid-dinja” (AA, 2).
F’dan il-qafas, kif jixtieqha l-Konċilju l-kollaborazzjoni tal-lajċi mal-ġerarkija? Kif jifhimha? Hi sempliċiment adattament strateġiku għas-sitwazzjonijiet il-ġodda li ġejjin? Xejn affattu, xejn: hemm xi ħaġa iżjed, li tmur lil hemm mill-kontinġenza tal-mument u li għandha l-valur tagħha għalina wkoll. Il-Knisja hija hekk, appostolika.
Fil-qafas tal-għaqda tal-missjoni, id-diversità ta’ kariżmi u ta’ ministeri ma għandhiex tagħti lok, fi ħdan il-ġisem tal-Knisja, għal kategoriji pprivileġġjati: hawnhekk ma għandniex promozzjoni, u meta int tħares lejn il-ħajja Nisranija bħala promozzjoni, fejn dak li hu fuq jikkmanda lill-oħrajn għax irnexxielu jixxabbat, dan mhuwiex Kristjaneżmu. Dan hu paganiżmu pur. Il-vokazzjoni Nisranija mhijiex promozzjoni biex nitilgħu ’l fuq, le! Hi ħaġa oħra. U hemm ħaġa kbira għax, imqar jekk “uħud, b’rieda ta’ Kristu, huma maħtura biex jgħallmu jew biex jamministraw jew biex ikunu ragħajja tal-oħrajn, b’danakollu hemm ugwaljanza fost kulħadd dwar id-dinjità u l-ħidma komuni tal-fidili kollha biex jibnu l-ġisem ta’ Kristu” (LG, 32). Min għandu l-ikbar dinjità, fil-Knisja: l-isqof, is-saċerdot? Le… ilkoll aħna Nsara għall-qadi tal-oħrajn. Min hu l-iżjed importanti, fil-Knisja: is-soru jew il-persuni komuni, mgħammda, it-tfal, l-isqof…? Kollha ndaqs, aħna ndaqs u meta waħda mill-partijiet tagħmilha ta’ iktar importanti mill-oħrajn jew ixxammar xi ftit imneħirha, tkun tiżbalja. Dik ma hix is-sejħa ta’ Ġesù. Il-vokazzjoni li Ġesù jagħti, lil kulħadd – imma anki lil dawk li jidhru li qegħdin f’postijiet l-iktar għolja – hi s-servizz, li naqdu lill-oħrajn, li niċċekknu. Jekk fil-Knisja int issib persuna li għandha vokazzjoni ogħla u taraha vanituża, għid: “Imsejkna li hi”; itlob għaliha għax għadha ma fehmitx x’inhi s-sejħa li għamlilha Alla. Is-sejħa ta’ Alla hi adorazzjoni lill-Missier, imħabba lejn il-komunità u qadi. Dan ifisser li nkunu appostli, din hi x-xhieda tal-appostli.
Il-kwistjoni tal-ugwaljanza fid-dinjità titlobna nerġgħu naħsbu fuq tant aspetti tar-relazzjonijiet tagħna, li huma deċiżivi għall-evanġelizzazzjoni. Ngħidu aħna, aħna nafu li bil-kliem tagħna nistgħu nfieru d-dinjità tal-persuni, u hekk nirvinaw ir-relazzjonijiet fi ħdan il-Knisja? Waqt li nippruvaw niddjalogaw mad-dinja, nafu wkoll niddjalogaw bejnietna li nemmnu? Jew fil-parroċċa aħna wieħed kontra l-ieħor, wieħed ipaċpaċ ħażin fuq l-ieħor biex hu jixxabbat iktar ’il fuq minnu? Nafu nisimgħu biex nifhmu r-raġunijiet tal-ieħor, jew nimponu ruħna, forsi anki bi kliem qarrieq? Nisimgħu, niċċekknu, inkunu għas-servizz tal-oħrajn: dan ifisser taqdi, dan ifisser tkun Nisrani, dan ifisser tkun appostlu.
Għeżież ħuti, ma nibżgħux nagħmlu dawn il-mistoqsijiet. Naħarbu l-frugħa, il-vanità tal-postijiet. Dawn il-kelmiet jistgħu jgħinuna nivverifikaw il-mod li bih qed ngħixu l-vokazzjoni tal-magħmudija tagħna, kif qed ngħixu l-mod tagħna ta’ kif inkunu appostli fi Knisja appostolika, li hi għall-qadi tal-oħrajn.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard