L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Liema wieħed, fost il-kmandamenti kollha, huwa l-ewwel?” (Mk 12:28) Din kienet id-domanda li wieħed mill-kittieba għamel lil Ġesù, kif rajna fl-Evanġelju skont San Mark. Kienet domanda li kienu jagħmluha kultant l-għorrief bejniethom biex jiddiskutu. Ir-raġuni kienet li filwaqt li aħna llum, meta nisimgħu l-kelma “kmandamenti”, mal-ewwel immorru għall-għaxar kmandamenti li Alla ta lill-poplu Lhudi permezz ta’ Mosè, fi żmien Ġesù kien hemm numru kbir ta’ kmandamenti, preċetti, regolamenti, u dak kollu li b’xi mod jew ieħor kellhom jagħmlu – jgħidu li kien hemm 648. U għalhekk meta lil Ġesù staqsieh “liema wieħed?”, qed jgħidlu biex jagħżel wieħed minn ħafna.
Dan il-kittieb ried ikun jaf liema wieħed. U x’għamel Ġesù? Kif wieġeb? L-ewwel nett tolqotna kif Ġesù wieġbu mal-ewwel. Mhux dejjem iwieġeb mal-ewwel għall-mistoqsija li ssirlu, imma hawnhekk wieġeb mal-ewwel. Imma flok semmielu wieħed, semmielu tnejn. Qallu: L-ewwel wieħed huwa dan: Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek “b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha” (Mk 12:30). Imma mbagħad semmielu ieħor. Qallu: “It-tieni hu dan: ħobb li għajrek bħalek innifsek”. U jgħidlu: “Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn” (Mk 12:31). Jiġifieri Ġesù qabad tnejn, flok kmandament wieħed, u qallu: dawn huma. U għaqqadhom flimkien: ma’ wieħed imur ukoll l-ieħor.
Issa x’naraw f’din it-tweġiba ta’ Ġesù? L-ewwel nett, l-imħabba lejn Alla għandha tiġi l-ewwel u qabel kollox, u hi imħabba totali. Meta Ġesù jsemmi l-qalb, ir-ruħ, il-moħħ, il-qawwa, qed jgħid: it-totalità tagħna. Aħna għandna nħobbu lil Alla bit-totalità ta’ ħajjitna. U hi din l-imħabba lejn Alla li għandha tmexxina. Dan ifisser li fil-kmandamenti l-oħra kollha – dawk li aħna nafu bħala kmandamenti, kull ħaġa li Alla jgħidilna “agħmlu hekk” jew “tagħmlux hekk” – għandha tkun l-imħabba ta’ Alla li tmexxina biex nagħmlu hekk, u ma nagħmlux hekk. Mhux sempliċiment għax obbligu, għax bilfors. Għax jekk ikun sempliċiment obbligu, hemm l-iktar ħaġa importanti nieqsa: l-imħabba totali lejn Alla.
Ġesù jagħmel xi ħaġa oħra hawnhekk, meta jgħaqqad flimkien l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn l-oħrajn. Qed jgħid Ġesù li jekk aħna verament inħobbu lil Alla, bit-totalità ta’ ħajjitna, irridu wkoll inħobbu lill-oħrajn. Waħda għandha twassal għall-oħra. Din il-kelma ta’ Alla li tinstema’ fit-Testment il-Qadim, tissemma speċjalment b’enfasi fit-Testment il-Ġdid. Insemmi bħala eżempju l-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann, fejn jitkellem bi kliem iebes fuq dil-ħaġa. Jgħid: “Jekk xi ħadd jgħid ‘Jiena nħobb ’l Alla’, u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?” (1 Ġw 4:20) Dejjem magħqudin flimkien. U niftakru dak li qal Ġesù nnifsu, meta semma l-opri tal-ħniena – min hu bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, għeri, marid, fil-ħabs – u ħeġġiġna biex ngħinuhom. X’kien qal? “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Jiġifieri qed jgħid li l-imħabba lejn l-oħrajn tfisser l-imħabba lejn Alla. Għalhekk dawn imorru flimkien.
Din hi importanti għall-ħajja tagħna. Għax filwaqt li l-messaġġ ta’ Ġesù dejjem hu li l-imħabba lejn Alla għandha twassal għall-imħabba lejn l-oħrajn, kultant issib firda. Issib min jifridhom anke bil-mod kif jgħix. Per eżempju, jekk xi ħadd jgħid: jien inħobb lil Alla, immur il-quddies, immur nitlob imma mbagħad ma jtinix li nħobb lill-oħrajn. Dan mhux skont kif jixtieq Ġesù minna. Imma anke min jgħid: jien ngħinu lill-proxxmu, jekk ikun hemm bżonn xi ħaġa, ngħinu; imma mbagħad issemmilix talb u quddies u lil Alla, għalija dan ma jfisser xejn. Ġesù qed jgħid: għax tifridhom l-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn l-oħrajn? Dawn imorru flimkien, anzi l-imħabba totali lejn Alla, kif għandha tkun ħajjitna, għandha twassalna tassew għall-imħabba lejn l-oħrajn.
Nitolbu lill-Mulej illum: kompli għallimna u kompli wkoll iffurmana f’dan l-akbar kmandament, biex kif urejtna inti, inħobbu bit-totalità ta’ ħajjitna lilek, Mulej, u nħobbu wkoll lill-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju