-
-
Il-Papa Franġisku ċċelebra Quddiesa li mmarkat il-Ġublew tal-Ħniena għall-katekisti il-Ħadd li għadda – is-26 Ħadd taż-żmien Ordinarju fiż-żmien tal-Ġublew Straordinarju tal-Ħniena.
-
Omelija tal-Papa Franġisku
Fit-Tieni Qari tal-lum l-Appostlu Pawlu jagħti lil Timotju, imma lilna wkoll, xi twissijiet li huma għal qalbu. Fost l-oħrajn, jitolbu jħares “l-istruzzjonijiet li rċevejt u żżomm ruħek bla tebgħa u bla ħtija” (1 Tim 6:14). Sempliċement jitkellem fuq struzzjonijiet. Donnu jridna nżommu ħarsitna msammra fuq dak li hu essenzjali għall-fidi. Fil-fatt, San Pawl ma joqgħodx iwissi dwar ħafna punti u aspetti, imma jagħfas fuq il-qalba tal-fidi. Dan il-fus li madwaru ddur ir-rota, din il-qalb tħabbat li tagħti l-ħajja hi t-tħabbira tal-Għid, l-ewwel tħabbira: il-Mulej Ġesù qam mill-mewt, il-Mulej Ġesù jħobbok, ta ħajtu għalik; irxoxt u ħaj, jinsab miegħek u kuljum jistenniek. Dan m’għandna ninsewh qatt. F’dan il-Ġublew tal-Katekisti aħna mitluba ma negħjew qatt inqiegħdu fl-ewwel post it-tħabbira ewlenija tal-fidi: il-Mulej qam mill-mewt. M’hemmx kontenut iżjed importanti, xejn mhu iżjed sod u attwali. Kull kontenut tal-fidi hu sabiħ jekk jibqa’ marbut ma’ din il-qalb, jekk hu mdawwal mit-tħabbira tal-Għid. Min-naħa l-oħra, jekk jiżola ruħu, jitlef kull sens u qawwa. Aħna msejħin dejjem ngħixu u nħabbru l-ġdid tal-imħabba ta’ Alla: “Ġesù jħobbok tassew, hekk kif int. Agħmillu wisa’: minkejja d-delużjonijiet u l-ġrieħi tal-ħajja, ħallih iħobbok. Mhux sa jqarraq bik”.
L-istruzzjonijiet li dwarhom qed jitkellem San Pawl ifakkruna wkoll fil-kmandament ġdid ta’ Ġesù: “li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 15:12). Nistgħu nxandru lil Alla-Mħabba jekk aħna stess inkunu ninħabbu: mhux billi nippruvaw nikkonvinċu, u qatt billi nimponu l-verità fuq l-oħrajn, lanqas billi nżommu iebes dwar xi obbligu relġjuż jew morali. Alla jħabbar lilu nnifsu meta jiltaqa’ mal-persuni, attent għall-istorja u l-mixja tagħhom. Għax il-Mulej mhuwiex xi idea, imma Persuna ħajja: il-messaġġ tiegħu jgħaddi mix-xhieda sempliċi u vera, mis-smigħ u mill-akkoljenza, mill-ferħ li jittieħed. Ma nistgħux nitkellmu tajjeb dwar Ġesù jekk aħna mdejqin; lanqas nistgħu ngħaddu l-ġmiel ta’ Alla bil-prietki sbieħ. Lil Alla tat-tama nxandruh billi ngħixu fil-ħajja tal-lum il-Vanġelu tal-karità, bla ma noqogħdu nibżgħu nagħtu xhieda tiegħu anki f’xejriet ġodda ta’ tħabbira.
Il-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd jgħinna nifhmu xi jfisser tħobb, fuq kollox biex nevitaw ċerti riskji. Fil-parabbola għandna raġel għani, li ma jintebaħx b’Lazzru, fqajjar li “kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru” (Lq 16:20). Dan l-għani, fir-realtà, mhu jagħmel deni lil ħadd, ma nistgħux ngħidulu bniedem ħażin. Imma għandu marda ikbar minn dik ta’ Lazzru, anki jekk dan kellu “ġismu ġerħa waħda” (ibid.): dan l-għani jbati minngħama qawwi, għax mhux jirnexxielu jara lil hemm mid-dinja tiegħu, magħmula minn ikliet kbar u lbies fin. Ma jarax lil hemm mill-bieb ta’ daru, fejn hemm mixħut Lazzru, għax ma jinteressahx x’inhu għaddej barra. Ma jarax b’għajnejh għax ma jħossx b’qalbu. F’qalbu daħlet il-mondanità li tilloppja r-ruħ. Il-mondanità hi bħal “ħofra sewda” li tibla’ t-tajjeb, li titfi l-imħabba, għax medhija kollha kemm hi fiha nfisha. Hawn wieħed jara biss dak li jidher minn barra u ma jintebaħx bl-oħrajn, għax isir indifferenti għal kollox. Min ibati minn dan l-għama serju spiss jarra biss sal-ponta ta’ mnieħru: iħares b’qima lejn il-persuni famużi, ta’ klassi għolja, li d-dinja tammira, u jagħti dahru lil tant Lazzru tal-lum, lill-foqra u lil dawk li qed ibatu, li huma l-magħżulin tal-Mulej.
Imma l-Mulej jara lil min hu mwarrab u mormi mid-dinja. Lazzru hu l-uniku persunaġġ, fil-parabboli kollha ta’ Ġesù, li hu msejjaħ b’ismu. Ismu jfisser: “Alla jgħin”. Alla ma jinsiehx, jilqgħu fl-ikla tas-Saltna tiegħu, flimkien ma’ Abraham, f’xirka għanja ta’ mħabba. Imma r-raġel għani tal-parabbola lanqas isem ma għandu; ħajtu tiġi fix-xejn u tintesa, għax min jgħix għalih innifsu ma jikteb l-ebda storja. U n-Nisrani għandu jikteb l-istorja! Għandu joħroġ minnu nnifsu, biex jagħmel l-istorja! Imma min jgħix għalih innifsu ma jagħmel l-ebda storja. Il-bruda ta’ żmienna qiegħda biss tħaffer għal dejjem abbissi li ma titlax minnhom. U aħna bħalissa waqajna f’din il-marda tal-indifferenza, tal-egoiżmu, tal-mondanità.
Hemm dettall ieħor fil-parabbola, kuntrast. Il-ħajja lussuża ta’ dan ir-raġel bla isem hi mfissra bħala waħda fiergħa: il-ħin kollu jrid u jitlob id-drittijiet tiegħu. Anki meta jmut jibqa’ jinsisti li jsib min jgħinu u jiġbed lejh. Imma l-faqar ta’ Lazzru jesprimih b’dinjità kbira: minn fommu ma joħroġx krib, protesti jew kliem ta’ stmerrija. Hu tagħlim validu: bħala qaddejja tal-kelma ta’ Ġesù aħna msejħa ma noqogħdux niddandnu b’dak li jidher u ma nfittxu l-ebda glorja; lanqas għandna nkunu mdejqa jew noqogħdu ngergru. M’aħniex profeti tal-isfortuna li jieħdu gost jikxfu l-perikli jew id-devjazzjonijiet; m’aħniex nies li tħobb tingħalaq fl-ambjenti tagħha, u tispara l-ġudizzji iebsa fuq is-soċjetà, fuq il-Knisja, fuq kollox u fuq kulħadd, tħammeġ id-dinja bin-negattività. Ix-xettiċiżmu ta’ min ħsiebu biex ibarqam mhuwiex ta’ min hu familjari mal-Kelma ta’ Alla.
Min iħabbar it-tama ta’ Ġesù jġib il-ferħ u jara ’l bogħod, għandu ixfqa quddiemu, mhux ħajt li jagħlqu; jara ’l bogħod għax jaf iħares lil hemm mill-ħażen u mill-problemi. Fl-istess ħin jara sewwa mill-qrib, għax hu attent għall-proxxmu u għall-ħtiġijiet tiegħu. Il-Mulej illum dan qed jitlobna: quddiem tant Lazzru li naraw, aħna msejħin niċċaqilqu, infittxu toroq biex niltaqgħu ma’ oħrajn u ngħinuhom, bla ma noqogħdu dejjem niddelegaw lil oħrajn jew ngħidu: “Ngħinek għada, illum m’għandix żmien, ngħinek għada”. Għax dan hu dnub. Iż-żmien li fih ngħinu lill-oħrajn hu żmien li qed nagħtuh lil Ġesù, hu mħabba li tibqa’: hu t-teżor tagħna fis-Sema, li naħsbu għalih minn hawnhekk fid-dinja.
Biex nagħlaq, għeżież katekisti u għeżież ħuti, il-Mulej qed jagħtina l-grazzja li niġġeddu ta’ kuljum fil-ferħ tal-ewwel tħabbira: Ġesù miet u qam, Ġesù jħobbna personalment! Ħa jagħtina l-qawwa li ngħixu u nħabbru l-kmandament tal-imħabba, negħlbu kull għama ta’ dak li jidher minn barra u tad-diqa mondana. Jagħmilna sensibbli għall-foqra, li mhumiex xi żieda mal-Vanġelu, imma paġna fil-qalba tiegħu, dejjem miftuħa quddiem kulħadd.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.
-
-
San Ġorġ Preca – il-Qaddis Malti fuq wieħed mill-banners tul it-triq tal-Vatikan, matul il-Ġublew tal-Ħniena għall-Katekisti.