Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Illum nisimgħu x’tgħidilna l-“magna carta” tal-evanġelizzazzjoni fid-dinja tal-lum: l-Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi ta’ San Pawlu VI (EN, 8 ta’ Diċembru 1975). Hi attwali, inkitbet fl-1975, imma qisha nkitbet ilbieraħ. L-evanġelizzazzjoni hi aktar minn sempliċi trasmissjoni duttrinali u morali. Hi qabelxejn xhieda: ma tistax tevanġelizza mingħajr xhieda; xhieda tal-laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu, il-Verb Inkarnat li fih seħħet is-salvazzjoni. Xhieda indispensabbli għax, qabelxejn, id-dinja għandha bżonn ta’ “dawk li jistgħu jevanġelizzaw, biex ikellmuha fuq Alla li huma suppost li jafu” (EN, 76). Din mhix xi trasmissjoni ta’ ideoloġija jew “duttrina” dwar Alla, le. Hi trasmissjoni ta’ Alla li jsir ħaj fija: din hi x-xhieda; u fuq kollox għax “il-bniedem modern jisma’ iżjed bil-qalb lix-xhieda milli lill-għalliema, u jekk jisma’ lill-għalliema, dan jagħmluh għaliex huma xhieda” (ibid., 41). Ix-xhieda ta’ Kristu, allura, hi fl-istess waqt l-ewwel mezz ta’ evanġelizzazzjoni (ara ibid.) u kundizzjoni essenzjali għall-effikaċja tagħha (arfa ibid., 76), biex it-tħabbira tal-Vanġelu tħalli l-frott. Inkunu xhieda.
Irridu niftakru li x-xhieda tiġbor fiha wkoll il-fidi mistqarra, jiġifieri t-twaħħid konvint u viżibbli tagħna ma’ Alla Missier u Iben u Spirtu s-Santu, li għax ħabbna, ħalaqna, fdiena. Fidi li tibdilna, li tibdel ir-relazzjonijiet tagħna, il-kriterji u l-valuri li jiddeterminaw l-għażliet tagħna. Għalhekk, ix-xhieda ma tistax tinfired mill-koerenza bejn dak li nemmnu u dak li nxandru u dak li ngħixu. Ma nkunux kredibbli billi sempliċiment ngħidu x’inhi d-duttrina jew l-ideoloġija, le. Persuna tkun kredibbli jekk ikollha armonija bejn dawk li temmen u dak li tgħix. Tant Insara jgħidu biss bil-fomm li jemmnu, imma jgħixu mod ieħor, bħallikieku ma kinux Insara. U din hi ipokrezija. Il-maqlub tax-xhieda hi l-ipokrezija. Kemm drabi smajna min jgħid: “Eħħ, dan imur il-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd, u mbagħad jgħix hekk, hekk, hekk, hekk”: hu minnu, din hi l-kontro-testimonjanza.
Kull wieħed u waħda minna hu msejjaħ iwieġeb għal tliet mistoqsijiet fundamentali, li Pawlu VI jifformulahom hekk: “Temmen f’dan li tħabbars? Tgħix dak li temmen? Tħabbar dak li tgħix?” (ara ibid.). Hemm armonija: temmen f’dak li xxanadar? Int tgħix dak li temmen? Int ixxandar dak li tgħix? Ma nistgħux nikkuntentaw ruħna bi tweġibiet faċli, li tgħallimniehom bl-amment. Aħna msejħin naċċettaw ir-riskju – imqar jekk iregħedna minn postna – li nfittxu, li nafdaw b’mod sħiħ fl-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu li jaħdem f’kull wieħed u waħda minna, u jimbuttana biex immorru dejjem lil hemm: lil hemm mill-konfini tagħna, lil hemm mill-ħitan tagħna, lil hemm mil-limiti tagħna, ta’ kull xorta.
F’dan is-sens, ix-xhieda ta’ ħajja Nisranija ġġib magħha mixja ta’ qdusija, imsejsa fuq il-Magħmudija, li tagħmilna “tassew ulied Alla b’sehem min-natura tiegħu, u allura tassew qaddisin” (ara Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 40). Qdusija li mhix biss għall-ftit; li hi don ta’ Alla u titlob li tiġi milqugħa u tissarraf fi frott għalina u għall-oħrajn. Aħna magħżula u maħbuba minn Alla, jeħtieġ inwasslu din l-imħabba lill-oħrajn. Pawlu VI jgħallimna li ż-żelu għall-evanġelizzazzjoni joħroġ mill-qdusija, joħroġ mill-qalb li hi mimlija b’Alla. Imseddqa mit-talb u fuq kollox mill-imħabba għall-Ewkaristija, l-evanġelizzazzjoni min-naħa tagħha tkabbar fil-qdusija lil dawk li jagħmluha (ara EN, 76). Fl-istess waqt, mingħajr il-qdusija l-kelma tal-evanġelizzatur “diffiċilment tmiss qalb il-bniedem modern”, imma “tirriskja anzi li tibqa’ fiergħa u bla frott” (ibid.).
Għalhekk jeħtieġ inkunu konxji li d-destinatarji tal-evanġelizzazzjoni mhumiex biss l-oħrajn, dawk li jistqarru twemmin ieħor jew li ma jistqarru xejn, imma anki aħna nfusna, li nemmnu fi Kristu u aħna membri attivi tal-Poplu ta’ Alla. U rridu nikkonvertu ta’ kuljum, nilqgħu l-kelma ta’ Alla u nibdlu ħajjitna: ta’ kuljum. U hekk issir l-evanġelizzazzjoni tal-qalb. Biex nagħtu din ix-xhieda, anki l-Knisja bħala tali għandha tibda billi tevanġelizza lilha nfisha. Jekk il-Knisja ma tevanġelizzax lilna nfisha, tibqa’ biċċa ta’ mużew. Imma, dak li jġeddidha l-ħin kollu hu l-evanġelizzazzjoni tagħha nfisha. Għandha bżonn tisma’ l-ħin kollu dak li għandha temmen, ir-raġunijiet tat-tama tagħha, il-kmandament ġdid tal-imħabba. Il-Knisja, li hi Poplu ta’ Alla fid-dinja, u spiss ittentata mill-idoli – ħafna –, dejjem għandha bżonn li tiġi evanġelizzata, għandha bżonn li taqbad il-Vanġelu, titlob u tħoss il-qawwa tal-Ispirtu li jibdel il-qalb (ara EN, 15).
Knisja li tevanġelizza lilha nfisha biex tista’ tevanġelizza oħrajn hija Knisja li, immexxija mill-Ispirtu s-Santu, hi msejħa tagħmel mixja esiġenti, mixja ta’ konverżjoni, ta’ tiġdid. Dan jitlob minnha wkoll il-ħila li tibdel il-modi kif tifhem u tgħix il-preżenza evanġelizzatriċi tagħha fl-istorja, tevita li tistkenn fl-imkejjen protetti tal-loġika ta’ “dejjem hekk sar”. Dan hu kenn li jmarrad il-Knisja. Il-Knisja għandha timxi ’l quddiem, għandha tikber il-ħin kollu, hekk tibqa’ żagħżugħa. Din il-Knisja hi kollha kemm hi indirizzata lejn Alla, allura għandha sehem fil-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni għall-bnedmin, u, fl-istess waqt, kollha kemm hi indirizzata lejn l-umanità. Il-Knisja għandha tkun Knisja li tiltaqa’ fi djalogu mad-dinja tal-lum, li tinseġ relazzjonijiet ta’ aħwa, li toħloq spazji ta’ laqgħa, u twettaq prattiċi tajba ta’ ospitalità, ta’ akkoljenza, ta’ rikonoxximent u integrazzjoni tal-oħrajn u ta’ min hu differenti, u ta’ min jieħu ħsieb tad-dar komuni li hi l-ħolqien. Jiġifieri, Knisja li tidħol fi djalogu mad-dinja ta’ żmienna, tiddjaloga mad-dinja tal-lum, imma li tiltaqa’ ta’ kuljum mal-Mulej u tiddjaloga mal-Mulej, u tħalli jidħol lill-Ispirtu s-Santu li hu l-protagonista tal-evanġelizzazzjoni. Mingħajr l-Ispirtu s-Santu aħna nistgħu nagħmlu biss pubbliċità tal-Knisja, u mhux nevanġelizzaw. Huwa l-Ispirtu s-Santu fina, dak li jwassalna għall-evanġelizzazzjoni, u din hi l-vera libertà ta’ wlied Alla.
Għeżież ħuti, inġedded l-istedina tiegħi biex taqraw u terġgħu taqraw l-Evangelii nuntiandi: ngħidilkom is-sew, jien naqraha ta’ spiss, għax dik hi l-kapulavur ta’ San Pawlu VI, u l-wirt li ħallielna biex nevanġelizzaw.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard