F’kull parroċċa f’Malta, nhar is-Sibt 24 u l-Ħadd 25 ta’ Ġunju li ġej, se ssir ġabra speċjali sabiex tgħin lill-Papa Franġisku jkompli jgħin lill-persuni fil-bżonn f’kull rokna tad-dinja u jkompli jmexxi l-Knisja.

B’din il-ġabra nkunu qed nuru l-imħabba tagħna lejn il-Papa Franġisku u ngħinuh biex ikun jista’ jifrex dejjem aktar il-ħidmiet tiegħu ta’ Ragħaj tal-Knisja Universali permezz ta’ għotjiet ta’ karità mad-dinja kollha, ma’ ħutna l-aktar fil-bżonn, speċjalment ma’ dawk milqutin minn xi emerġenza, diżastru naturali jew gwerra. 

L-appell hu biex fil-ġabra nkunu ġenerużi u nuru l-għaqda tagħna mal-Papa Franġisku u l-gratitudni tagħna lejh għaż-żjara tiegħu fostna l-Maltin f’April li għadda.


X’inhu l-Obolo ta’ San Pietru?

L-Obolo ta’ San Pietru huwa l-isem li jingħata lill-għajnuna finanzjarja offruta mill-Kattoliċi lill-Qdusija Tiegħu l-Papa bħala sinjal tas-sehem tagħhom fit-tħassib tas-Suċċessur ta’ Pietru għall-ħafna bżonnijiet differenti tal-Knisja Universali u għall-għajnuna tal-persuni l-aktar fil-bżonn.

L-għan tal-Obolo ta’ San Pietru

Il-kontribuzzjonijiet lill-Obolo ta’ San Pietru sabiex jgħinu fil-missjoni universali tal-Papa, jinqasmu f’żewġ modi: fil-finanzjament tal-ħafna attivitajiet ta’ servizz imwettqa mill-Kurja (eż. formazzjoni tal-kleru, komunikazzjoni, promozzjoni tal-iżvilupp uman integrali, edukazzjoni, ġustizzja, eċċ.) kif ukoll mill-bżonnijiet materjali ta’ djoċesijiet foqra, istituti reliġjużi f’diffikultajiet serji (foqra, tfal, anzjani, emarġinati, refuġjati u migranti, vittmi ta’ gwerer u diżastri naturali.

Ġabriet speċjali oħra għall-Qdusija Tiegħu l-Papa jsiru fil-Jum Dinji tal-Missjoni, iċċelebrat kull sena fil-Ħadd ta’ qabel tal-aħħar ta’ Ottubru, u l-ġbir annwali għall-Art Imqaddsa fil-Ġimgħa l-Kbira.

Aktar dettalji jinkisbu minn fuq il-website tal-Vatikan dwar l-Obolo ta’ San Pietru.