Fis-sajf tas-sena l-oħra, ŻAK Ħal Tarxien u Azione Cattolica San Severo kellhom exchange f’Malta, bl-isem ta’ Id f’Id, fejn ġiet diskussa s-sostenibbiltà u l-bini tas-soċjetà wara l-COVID. Din is-sena, ġiet organizzata it-tieni parti ta‘ din l-exchange, bejn l-10 u d-19 ta‘ Lulju, din id-darba ġewwa San Severo, fl-Italja bit-titlu ‘ToGeThere,’ fejn ġiet emfasizzata l-importanza tal-ħidma kollettiva biex flimkien nilħqu l-miri tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan l-avveniment ra l-parteċipazzjoni attiva ta’ 41 żagħżugħ u żagħżugħa bejn l-14 u t-28 sena ġejjin minn Malta jew mid-djoċesi ta‘ San Severo.
Matul il-ġimgħa, il-parteċipanti kienu involuti f’diskussjonijiet dwar diversi minn dawn il-miri kritiċi, bħalma huma l-ewwel mira tal-Eliminazzjoni tal-Faqar, l-għaxar mira ta‘ Tnaqqis fl-Inugwaljanza, mira numru 11 ta‘ Bliet u Kommunitajiet Sostenibbli, mira numru 13 ta‘ Azzjoni Marbuta mal-Klima, mira numru 16 ta‘ Paċi, Ġustizzja u Istituzzjonijiet b’Saħħithom u l-mira numru 17 ta‘ Sħubijiet għall-Għanjiet.
Id-diskussjoni tnedhiet bil-mira numru 11, fejn il-parteċipanti kellhom attivitajiet organizzati ġewwa Torremaggiore fl-Italja, fejn esploraw iċ-ċentru storiku, il-kastell ta‘ Torremaggiore, il-mużew ta’ Sacco u Vanzetti u l-mużew ta‘ De Sangro. Ġiet organizzata żjara f’Castel Fiorentino, u l-ġurnata spiċċat permezz ta’ logħba bi stil ta’ Cluedo fil-kastell Ducal.
Il-ġurnata ta’ wara, l-attenzjoni marret għall-ewwel mira tal-Eliminazzjoni tal-Faqar, fejn ġiet diskussa l-problema li ammont kbir ta‘ żgħażagħ ta‘ 16-il sena joħorġu mill-iskola. Il-grupp esperjenzaw inizzjattivi lokali fejn qed jindirizzaw din il-problema u ltaqgħu ma‘ rappreżentanti mill-amministrazzjoni muniċipali ta‘ San Severo fil-palazz Celestini. Hawnhekk is-Sindku ppreżenta proġett ta‘ inkubaturi soċjali fejn jużaw għodod artistiċi biex jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu l-ħiliet. Dawn l-inkubaturi soċjali jgħinu sabiex ikun hemm ftehim aħjar bejn l-edukaturi u l-istudenti u jiggwidaw l-istudenti b’mod aktar ħolistiku. F‘din l-exchange kienu ukoll preżenti l-Moviment tal-iStudenti tal-Azzjoni Kattolika tad-djoċesi ta‘ Vieste u ġew organizzati attivitajiet li jippromovu partċipazzjoni attiva fl-iskola u fuq ix-xogħol u attivitajiet dwar temi bħalma huma l-fast fashion, it-tibdil fil-klima u s-saħħa mentali.
Tema kruċjali oħra li ġiet indirizzata waqt l-exchange kienet tat-tibdil fil-klima. Il-parteċipanti ddiskutew l-inizzjattivi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea kemm f’Malta, kif ukoll fl-Italja, bl-għan li jikkumbattu t-tibdil fil-klima. Saru ukoll diveri workshop dwar din it-tema. Lejn l-aħħar ta‘ din l-exchange, saru diskussjonijiet dwar it-temi tal-Immigrazzjoni u l-abbuż tal-immigranti. Biex iż-żgħażagħ setgħu jifhmu aħjar, ipparteċipaw f’logħba bl-isem ta‘ Oro Rossa (Deheb Aħmar) u kellhom ikla ma’ diversi għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu f’San Severo u spjegaw ukoll l-ħidma tagħhom biex jilħqu l-miri tal-Aġenda 2030 u iktar.
Dan il-programm f’San Severo serva ta’ esperjenza transformattiva għall-parteċipanti, fejn tgħallmu u r-riflettew dwar dawn il-problemi kbar li qed naffaċjaw b’mod globali iżda ukoll iffaċilita skambju kulturali, lingwistiku u soċjali fejn żviluppat esperjenza Ewropea.
Fl-ispirtu ta‘ ‘ToGeThere,’ il-parteċipanti temmew din l-exchange bid-determinizzjoni li jagħmlu differenza kemm lokali, kif ukoll internazzjonali u jikkontribwixxu għat-twettiq tal-Agenda 2030 u ħafna iktar. Permezz tal-ħidma tagħhom u l-kollaborazzjonijiet mal-oħrajn qed jaraw li l-bidla hija possibli meta jiġu flimkien bħala umanità waħda.