L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin” (1 Ġw 4:11). Din is-sentenza mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann hi sentenza li tiġbor l-essenzjal tal-ħajja ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta. Hi emmnet li l-isbaħ fil-ħajja hi proprju l-imħabba. Għax aħna maħbubin minn Alla, għandna wkoll ngħixu din l-imħabba li hu jqiegħed fina u nuruha mal-oħrajn, speċjalment dawk li għandhom l-aktar bżonn, l-ifqar fost il-fqar.
Nixtieq li llum nieqfu proprju fuq dan: l-essenzjal tal-ħajja ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta, li hu fil-fatt l-essenzjal tal-ħajja tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù, għax aħna lkoll imsejħin biex ngħixu tassew din l-imħabba. Nagħrfu l-imħabba kif urihielna u kif għallimielna Ġesù, u ngħixuha b’mod konkret fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Dan hu meħtieġ iktar u iktar, għax illum bil-kelma “mħabba” – mhux illum biss imma aħna qed ngħixu llum – nistgħu nifhmu kollox. Hemm gżira ta’ mħabba, fejn l-imħabba tfisser li tfittex lilek innifsek, li tfittex l-attenzjoni fuqek innifsek, u iktar ma n-nies jaraw lilek aħjar – din mhix l-imħabba li għallimna Ġesù. Għalhekk hu importanti ħafna li nagħrfu dak li turina Santa Tereża ta’ Kalkutta: l-imħabba kif għallimielna Ġesù, għax hi din l-imħabba li tista’ tgħinna biex fil-ħajja jkollna l-milja, l-isbaħ u l-aħjar.
X’tgħallimna Santa Tereża ta’ Kalkutta dwar l-imħabba?
L-imħabba mhijiex li nimxu ma’ li nħossu imma hija għażla
L-imħabba ma tfissirx li timxi ma’ dak li tħoss imma l-imħabba hi għażla. Hekk urietna Santa Tereża fil-ħajja tagħha, meta hi ma mxietx ma’ dak li ħasset imma għażlet li tgħix din l-imħabba u turiha fl-azzjonijiet tagħha.
Dan hu messaġġ importanti għall-ħajja tagħna. Kultant ikun hemm l-idea li l-imħabba sempliċiment fejn tmexxik il-qalb. Hu importanti li tara fejn tmexxik il-qalb, imma l-imħabba kif għallimielna Ġesù hi fl-aħħar mill-aħħar għażla: li tagħżel li tħobb, mhux sempliċiment timxi mal-gosti. Għalhekk Santa Tereża għallmitna li tħobb sakemma tweġġa’, anke meta hu iebes, imma għax għażlet li tħobb.
L-imħabba mhijiex it-tfittxija tagħna nfusna imma l-għotja tagħna nfusna
Santa Tereża ta’ Kalkutta tgħallimna li l-imħabba mhijiex it-tfittxija tagħna nfusna imma l-għotja tagħna nfusna. Hemm nuru tassew kemm inħobbu bl-imħabba li għallimna Ġesù. Hu wrihielna b’mod ċar ħafna. Il-ħajja kollha tiegħu hi għotja sa fuq is-salib, meta ta lilu nnifsu b’fidwa għall-umanità. Lid-dixxipli tiegħu ried jurihom li l-imħabba tfisser li tingħata, u hemm issib il-milja tal-ħajja tiegħek. Mhux meta tfittex lilek innifsek, dak li jaqbillek, imma meta tagħti lilek innifsek.
Fil-fatt, din hi l-esperjenza ta’ ħafna nies li għamlu xi żmien jaħdmu mal-Missjunarji tal-Karità, is-sorijiet ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta, esperjenzi f’diversi postijiet. Hawn ħafna Maltin li għamlu dawn l-esperjenzi. Jgħidulek: aħna morna hemmhekk biex nagħtu, u għax tajna, inħossu li rċevejna ħafna aktar milli tajna. Għaliex? Għax l-iskop kien li tagħti lilek innifsek, li tkun għas-servizz tal-oħrajn speċjalment tal-ifqar fost il-fqar. Mhux tmur biex tfittex lilek innifsek u li jaqbillek imma li tingħata, u bħala riżultat tirċievi ħafna.
L-imħabba ma tiqafx fid-dehra ta’ barra, imma tistma lil kull bniedem għax bniedem
Santa Tereża turina li meta nħarsu lejn in-nies, ma nistgħux nieqfu fuq il-faċċata ta’ barra u daqshekk, imma rridu naraw fihom lil Ġesù. Anke jekk il-faċċata ta’ barra timbuttana, anke jekk dak li naraw minn barra lilna ma jiġbidna xejn. Irridu naraw fihom lil Ġesù u nafu li qed naqduhom għax fihom qed naraw lil Ġesù.
Hu dak li smajna lil Ġesù fl-Evanġelju jgħid b’mod ċar: “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Hawn Ġesù jidentifika ruħu ma’ dawk li huma fil-bżonn. Dan hu messaġġ sabiħ ħafna għall-ħajja tagħna. Meta nħobbu, mhux għax dak li nara minn barra jiġbidni, imma għax nagħraf fil-persuna d-dinjità tagħha, u fiha nara lil Ġesù. Meta ngħin lill-persuna f’xi ħtieġa tagħha, qed nagħmel dan ma’ Ġesù.
Dan li turina kontinwament Santa Tereża hu ta’ ġid għall-ħajja tagħna. Ħafna drabi, in-nies li niltaqgħu magħhom u li jkollhom bżonn għajnuna, mhumiex nies li mal-ewwel daqqa ta’ għajn jiġbduna. Imma l-istedina hi li fil-persuna naraw lil Ġesù, u dak li nagħmlu ma’ dik il-persuna nkunu qed nagħmluh ma’ Ġesù.
L-imħabba tintwera fl-affarijiet iż-żgħar ta’ kuljum
Santa Tereża turina wkoll li l-imħabba ngħixuha l-ewwel fl-affarijiet iż-żgħar tal-ħajja ta’ kuljum. Santa Tereża kienet tgħid: jekk trid tħobb verament, ibda minn ta’ madwarek, ibda mill-familja tiegħek, ibda min-nies li tiltaqa’ magħhom. U fl-affarijiet iż-żgħar, għax hemm turi l-imħabba fil-prattika, mhux għax tistenna xi okkażjoni speċjali. Hi fil-ħajja ta’ kuljum fl-affarijiet iż-żgħar. Dik l-attenzjoni, il-kelma, li tisma’ – din hija turija kbira ta’ mħabba – it-tbissima li tant kienet tinsisti fuqha Santa Tereża.
Huma dawn l-affarijiet iż-żgħar li juru sensitività. Fil-ħajja tal-familja, fil-ħajja flimkien, fil-ħajja tax-xogħol, kulfejn niltaqgħu flimkien bħala bnedmin, li nuru l-imħabba fl-affarijiet tal-ħajja ta’ kuljum. Nagħmlu dawn l-affarijiet iż-żgħar b’imħabba kbira, u għalhekk isiru azzjonijiet ta’ valur kbir quddiem Alla.
Santa Tereża ta’ Kakutta kienet tgħid: li nkunu lapes f’idejn Alla li bih hu jikteb ittra ta’ mħabba. Nitolbu llum, aħna u niċċelebraw din il-qaddisa li għalina hi tant eżempju konkret ta’ kif tħobb, nitolbu biex il-Mulej ikompli jimliena bl-imħabba tiegħu, ikompli jurina kif fl-imħabba nsibu l-milja tal-ħajja tagħna, l-isbaħ u l-aħjar; u nitolbu li aħna nkunu bħal lapes f’idejn Alla li bih huwa jista’ jikteb lill-oħrajn l-ittra ta’ mħabba.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju