Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum l-Evanġelju jkellimna dwar il-maħfra (cfr Mt 18,21-35). Pietru jistaqsi lil Ġesù: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?” (v. 21). Fil-Bibbja, in-numru sebgħa hu numru li juri kompletezza. Hekk, Pietru qed jagħmel premessa ġeneruża ħafna bil-mistoqsija tiegħu. Iżda Ġesù jmur ‘lil hinn u jwieġeb: ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba” (v.22). Jiġifieri qed jgħidlu li l-maħfra ma fihiex kalkolu, hu sewwa li jinħafer kollox dejjem! Propju kif jagħmel Alla magħna, u kif għandu sejħa jagħmel min jamministra l-maħfra t’Alla: maħfra dejjem. Dan jien ngħidu bosta drabi lis-saċerdoti, lill-konfessuri: aħfru dejjem kif jaħfer Alla.
Imbagħad Ġesù jispjega dir-realtà permezz ta’ parabbola, li wkoll għandha x’taqsam man-numri. Wieħed re, wara li ntalab bil-ħniena, jaħfer lill-qaddej tiegħu dejn ta’ 10,000 talent: hu valur esaġerat, li jvarja bejn mitejn u ħames mitt tunnellata fidda: esaġerazzjoni. Kien dejn impossibbli li jitħallas lura anki kieku wieħed jaħdem għomru kollu: madankollu, dak is-sid, li jfakkarna fil-Missier tagħna, jaħfirlu sempliċiment għax “ħanin” (v. 27). Din hi l-qalb t’Alla: Hu qrib, ħanin u teneru; hekk hu magħmul Alla. Però mbagħad, dal-qaddej li nħafirlu d-dejn ma juża ebda ħniena ma’ qaddej ieħor li kellu jtih mitt dinar. Din ukoll hi ċifra mhux ħażin, hi madwar tliet xhur paga – li jfisser li l-maħfra lil xulxin fiha prezz ukoll – imma bl-ebda mod ma tista’ titqabbel maċ-ċifra ta’ qabel, dik li kien ħafrilu s-sid.
Il-messaġġ ta’ Ġesù hu ċar: Alla ma joqgħodx jikkalkola biex jaħfer, jaqbeż kull limitu. Hekk hu magħmul, jaġixxi b’imħabba u bil-gratwità. Lil Alla ma nixtruhx, Alla hu gratwit, hu l-gratwità nnifisha. Mhux possibbli rroddulu dan kollu lura, imma meta naħfru lil ħuna, lil oħtna, inkunu nimitawh. Għalhekk il-maħfra mhix xi azzjoni tajba li nistgħu nagħmluha jekk irridu: il-maħfra hi kundizzjoni fundamentali għal kull min hu nisrani. Infatti, ilkoll kemm aħna “maħfurin”, ma ninsewhx dan, aħna maħfurin. Alla ta ħajtu għalina u aħna bl-ebda mod ma nistgħu nħallsu lura l-ħniena tiegħu. Però, jekk aħna nikkorrsipondu mal-gratwità tiegħu, jiġifieri naħfru lil xulxin, inkunu qed nagħtu xhieda tiegħu billi niżirgħu ħajja ġdida madwarna. Fejn mhemmx maħfra m’hemmx tama; fejn mhemmx maħfra m’hemmx paċi. Il-maħfra hi l-ossiġnu li jsaffi l-arja mill-mibegħda, il-maħfra hi l-antidotu li jfejjaq il-velenu tar-rankur, hi t-triq biex nitfu x-xegħla tal-korla u nfejqu tant mard tal-qalb li jniġġes is-soċjetà.
Nistaqsu lilna nfusna għalhekk: jien nemmen li rċevejt id-don tal-maħfra bla tarf? Inġarrab il-ferħ għax naf li Hu dejjem lest jaħfirli meta naqa’, anki meta l-oħrajn ma jaħfrulix, anki meta lanqas jien ma jirnexxili naħfer lili nnifsi? Hu jaħfer: nemmen li Hu jaħfer? Imbagħad: min-naħa tiegħi, naf naħfer lil min għamilli d-deni? Dwar dan nixtieq intikom eżerċizzju żgħir: nippruvaw, issa, kull wieħed u waħda minna, niftakru f’xi persuna li weġġgħetna u nitolbu l-Mulej il-qawwa biex naħfrulha. U naħfrulha għall-imħabba tal-Mulej: ħuti, dan ikun ta’ fejda għalina, iroddilna l-paċi tal-qalb.
Marija, Omm tal-Ħniena, tgħinna nilqgħu il-grazzja t’Alla u naħfru lil xulxin.
Sors: laikos.org