Il-Kummissjonijiet Interdjoċesana Ambjent u Ġustizzja u Paċi, f’kollaborazzjoni mal-Patrijiet Franġiskani, se jorganizzaw attività biex ifakkru l-Istaġun tal-Ħolqien 2023. Permezz ta’ din l-attivitá, se jkunu qed jingħaqdu ma’ numru ta’ Knejjes Insara madwar id-dinja kollha li bejn l-1 ta’ Settembru u l-4 t’Ottubru ta’ kull sena jfittxu li jqajjmu kuxjenza favur l-għożża tal-Ħolqien.
F’Malta, din is-sena, l-attività se tkun ibbażata fuq id-dokumentarju “The Letter: A Message for our Earth”. F’dan id-dokumentarju, ħames persuni mill-erba’ rkejjen tad-dinja – Senegal, foresta tal-Amażonja, Indja u Ħawaj – jivvjaġġaw lejn Ruma biex jiltaqgħu mal-Papa Franġisku. Huma jaqsmu miegħu l-esperjenzi tagħhom ta’ kif qed jirrispondu b’tama u determinazzjoni għall-kriżi ambjentali li qed tħalli impatt qawwi fuq il-komunitajiet tagħhom.
L-attività se tibda b’ħin ta’ talb u wara li jintwera d-dokumentarju tkompli b’diskussjoni u ħin għall-mistoqsijiet.
“The letter: A message for our earth” se jintwera nhar il-Ġimgha, 29 ta’ Settembru 2023, fil-Knisja ta’ Santa Marija tal-Anġli f’Baħar iċ-Ċagħaq, bejn is-7pm u l-10:30pm.
Biex tirreġistra ibgħat imejl fuq [email protected] sal-Ħamis 28 ta’ Settembru. L-attività ser tkun bla ħlas, imma jiġu apprezzati donazzjonijiet biex jittaffu l-ispejjeż.