L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Biex kull min jidħol ġewwa jara d-dawl” (Lq 8:16). Dan huwa l-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju llum meta qed juża tixbiha tal-musbieħ li jixgħel – tixbiha li n-nies setgħu jifhmuha tajjeb dak iż-żmien – u jgħid: inti ma tixgħelx il-musbieħ u tgħattih, jew inkella tqiegħdu f’xi post moħbi fejn ma jidhirx, għax inkella jitlef l-iskop tiegħu. Musbieħ qiegħed hemm biex juri d-dawl.

Għalkemm aħna llum ma nużawx musbieħ biex naraw imma għandna l-elettriku – nixegħlu u jiġi d-dawl – imma nistgħu nifhmu tajjeb ħafna dak li qed jgħid Ġesù. Hu qed jgħid li l-iskop tal-musbieħ hu biex juri d-dawl, u għalhekk int tista’ tara l-affarijiet li ma jibqgħux fid-dlam u ma jibqgħux mistura. Mhux l-iskop tal-musbieħ li toqgħod tħares lejh, u qisek tikkuntenta ruħek bid-dawl tiegħu. Imma l-iskop tiegħu hu li d-dawl jurik diversi affarijiet. 

Il-kliem ta’ Ġesù hawnhekk jixbah ħafna dak li kien qal lid-dixxipli tiegħu, meta qalilhom: “Intom id-dawl tad-dinja” (Mt 5:14). Ġesù kien tkellem fuqu innifsu l-ewwel, u qal: “Jiena d-dawl tad-dinja” (Ġw 8:12). Imma ried li d-dixxipli jieħdu mid-dawl li huwa hu, biex huma jkunu dawl għall-oħrajn. U meta tkellem hekk, Ġesù prattikament uża l-istess kliem li jgħid illum, meta qalilhom: “Anqas ma jixegħu l-musbieħ u jqegħduh taħt is-siegħ imma fuq l-imnara biex idawwal lil kull min ikun fid-dar” (Mt 5:15).

Ġesù kien qalilhom lid-dixxipli tiegħu b’liema mod ikunu d-dawl. Qabel xejn, bix-xhieda tal-ħajja tagħhom, għax dak hu li n-nies se jaraw. Qabel ma se jisimgħu xi ħaġa ta’ ġid, se jaraw. U jaraw ix-xhieda tal-ħajja. Jekk ix-xhieda tagħna tkun tassew xhieda tajba għal Ġesù u l-kelma tiegħu, jiġifieri nuru b’ħajjitna dak li nemmnu, hemmhekk tassew inkunu dawl. Imbagħad il-kelma wkoll, għax kelma tista’ tagħmel il-ġid, kelma tista’ turi t-triq ukoll, imma kelma li tkun taqbel max-xhieda tal-ħajja tagħna.

Ġesù jrid li aħna nkunu dawl, u jgħid hawnhekk: “ma hemm xejn moħbi li ma għadx jidher, u ma hemm xejn mistur li ma għadx jingħaraf u jinġieb għad-dawl” (Lq 8:17). L-ewwel nett, dad-dawl jgħinna napprezzaw dak li hu tajjeb u sabiħ. Jiġrilna, kultant, li aħna ma napprezzawx biżżejjed dak li hu pożittiv f’tant nies u f’tant ħidmiet li jsiru fil-Knisja stess. Għalhekk id-dawl jgħinna biex nagħrfu dan, u nagħtu glorja lil Alla; għax kif kien qal Ġesù – għednieha fl-akklamazzjoni ta’ qabel l-Evanġelju: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex huma jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5:16).

Imma d-dawl juri kollox. Juri t-tajjeb u juri l-ħażin. Għalhekk Ġesù jgħid li dak li hu moħbi, bid-dawl tibda tarah, u dak li hu mistur bid-dawl jibda jidher. Aħna nistgħu nagħlqu għajnejna biex ma narawx, widnejna biex ma nisimgħux, u ħalqna biex ma nitkellmux fuq il-ħażin li jkun qed isir; imma hemm jibqa’! Il-ħażin – jista’ jkun il-qerq, l-abbuż, il-korruzzjoni, dak kollu li jġib fil-bniedem it-tnawwir f’qalbu – anke jekk tipprova taħbih, hemm jibqa’, u f’mument ta’ dawl, dan imbagħad jibda jidher. U aħna msejħin ukoll biex bid-dawl tagħna nuru anke dak li hu ħażin, biex jittieħdu l-passi ħalli l-ħażin jispiċċa, jingħeleb; u biex il-ħażin jitfejjaq.

Għalhekk, it-talba tagħna llum hija: Mulej, għinna biex aħna nkunu, kif inti trid minna, dawl għall-oħrajn; biex aħna, permezz tax-xhieda ta’ ħajjitna u b’kelma wkoll li tagħmel il-ġid, nistgħu ngħinu lill-oħrajn biex huma jersqu lejk, Mulej, int li int “id-dawl biex iddawwal il-ġnus” (Lq 2:32).

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju