Nhar il‑Ħadd li ġej, 8 ta’ Ottubru 2023, il‑pubbliku huwa mistieden iżur il‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana waqt l‑attività Ġenna ta’ Ġonna. It‑tema magħżula għall‑open day ta’ din is‑sena hi “Knisja li taqdi” fejn il‑viżitaturi se jkunu jistgħu jesperjenzaw x’tagħmel il‑Knisja fil‑qasam tad‑djakonija, jiġifieri l‑ħidma tagħha mal‑persuni fil‑bżonn fis‑soċjetà tagħna. Id‑dettalji tħabbru minn Michael Pace Ross, is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, fil‑preżenza tal‑Vigarju Episkopali għad‑Djakonija Mons. Charles Cordina, fil‑Kurja tal‑Arċisqof stess.
Din is‑sena se jkun hemm aktar minn 20 attività għaddejja fil‑Kurja tal‑Arċisqof, bil‑viżitaturi se jkollhom l‑opportunità jifhmu aħjar kif il‑parroċċi qed jgħinu lill‑persuni fil‑bżonn fil‑komunità, japprezzaw opri tal‑arti u arkitettura, jipparteċipaw f’taħdidiet informattivi u jaraw wirijiet mtellgħa mill‑Arkivji Djoċesan fost l‑oħrajn.
Is‑Sur Michael Pace Ross spjega li hekk kif l‑open day se ssir f’Ottubru, ix‑xahar tal‑Madonna, il‑viżitaturi se jingħataw tagħrif dwar għaliex fl‑1743 il‑Ġiżwiti ħassu il‑bżonn li jiddedikaw din il‑binja lill‑Madonna ta’ Manresa u kif matul is‑snin din l‑istess binja għenet fil‑missjoni pastorali tal‑Knisja. Spjega li Casa Manresa, li originarjament inbniet bħala dar tal‑irtiri, serviet ukoll bħala sptar militari, seminarju, skola tas‑subien u għal żmien qasir waqt it‑Tieni Gwerra Dinjija, anke bħala Qorti tal‑Ġustizzja.
B’differenza għas‑snin ta’ qabel, waqt l‑open day, ir‑Rifettorju tal‑Kurja se jinbidel f’wirja awdjo‑viżiva unika li tispjega l‑episodji bibliċi mpittra mal‑ħitan ta’ din is‑sala fil‑kuntest ta’ temi importanti għas‑soċjetà tal‑lum, fosthom: is‑sostenibbiltà ambjentali, l‑għajnuna soċjali u l‑ospitalità. F’dan kollu se joħroġ l‑irwoli tal‑Knisja, kemm bħala istituzzjoni, imma aktar importanti bħala individwi impenjati li jagħtu il‑ħin u l‑enerġija tagħhom lill‑ħidma pastorali tal‑Knisja mal‑persuni l‑aktar fil‑bżonn. Waqt din il‑wirja se jkunu esebiti oġġetti ta’ nies li bil‑mod tagħhom, qed jagħtu kulur lill‑Knisja. Dawn l‑oġġetti se jkunu esebiti bħal artifatti prezzjużi f’mużew sabiex jgħinuna naħsbu u napprezzaw il‑veru teżor tal‑Knisja: in‑nies.
Il‑bitħa ċentrali tal‑Kurja se tinbidel f’post ta’ laqgħa, fejn minbarra l‑mużika live, kappillani u voluntiera li fil‑ħin liberu tagħhom jgħinu f’waħda mis‑70 parroċċa f’Malta, se jitkellmu mal‑viżitaturi dwar il‑ħidma tal‑Knisja fil‑komunitajiet tagħna. Mons. Charles Cordina qal li se jkun hemm ukoll xibka kbira tas‑sajd b’ritratti ta’ persuni li jgħinu lill‑Knisja tkun ta servizz fis‑soċjetà. Din tirrappreżenta l‑istedina li Ġesù għamel lill‑appostli biex, kulħadd bit‑talenti tiegħu, ikun “sajjieda tal‑bnedmin” u jagħti sehmu kif jista’ fil‑Knisja.
Din is‑sena, il‑kurituri prinċipali tal‑Kurja tal‑Arċisqof se jkunu mżejna b’aktar minn 25 pittura tal‑artist Francesco Zahra, meqjus bħala l‑aktar artist importanti Malti ta’ nofs is‑seklu tmintax u li din is‑sena qed jitfakkar il‑250 anniversarju mill‑mewt tiegħu. Meta nbniet Casa Manresa, Francesco Zahra kien ġie kkummisjonat jagħmel sett ta’ pitturi sabiex l‑arti tgħin fit‑tiġdid spiritwali tan‑nies li kienu jiġu jimmeditaw f’din id‑dar tal‑irtiri.
Il‑pubbliku huwa mistieden ukoll għall‑quddiesa mmexxija mill‑Isqof Joseph Galea‑Curmi li se ssir mill‑kappella tal‑Kurja ddedikata lill‑Madonna ta’ Manresa. Din se tixxandar fid‑9:30am fuq TVM, Knisja.mt, u Newsbook.com.mt. Fis‑6pm se ssir quddiesa oħra fil‑Kurja, din id‑darba minn kappella oħra li ġiet riċentament irrestawrata.
Il‑Kurja tal‑Arċisqof se tkun miftuħa mit‑8:30am sat‑8pm. Il‑programm tal‑open day jinsab fuq openday.knisja.mt
Id‑dħul huwa b’xejn. Donazzjonijiet b’risq The Archbishop’s Charity Fund huma apprezzati.