Caritas Malta ospitat b’suċċess il-Caritas Communications Forum u Fundraising Forum, attività ta’ ġimgħa li fiha laqgħet mal-50 parteċipant minn pajjiżi membri minn madwar l-Ewropa. Il-forum li beda fit-3 ta’ Ottubru 2023, ġie fit-tmiemu lbieraħ il-Ġimgħa 6 ta’ Ottubru 2023, fejn ġew diskussi diversi suġġetti varji u kruċjali, fosthom l-Intelliġenza Artifiċjali, strateġiji dwar mod effettiv ta’ midja soċjali, u l-mod kif permezz tal-istejjer ta’ persuni li jieħdu servizzi jitwasslu l-ħtiġijiet għand is-soċjetà.
L-attività bdiet b’merħba sabiħa mid-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, li wassal il-gratitudni tiegħu lill-parteċipanti li attendew u tal-impenn biex jippromwovu l-kawża li dan isir permezz tal-komunikazzjoni fl-aspetti kollha tax-xogħol ta’ Caritas madwar l-Ewropa.
Fil-forum spikka l-messaġġ indirizzat mill-President tal-Parlament Ewropew, Dr Roberta Metsola. Dr Metsola enfasizzat l-importanza ta’ komunikazzjoni effettiva fl-isfera umanitarja u f’attivitajiet ta’ karità. Il-fehmiet tagħha ntlaqgħu mill-udjenza preżenti u dan wassal diskussjonijiet sostanzjali matul il-ġimgħa. Filwaqt li tkellmet dwar ix-xogħol eċċezzjonali li qed isir madwar l-Ewropa mill-membri tal-Caritas Europa, stqarret li Caritas Malta saret pilastru ċentrali f’ħafna mill-komunitajiet Maltin. Irringrazzjat lill-pajjiżi kollha għall-ħidma kontinwa, u temmet il-messaġġ billi qalet: “Aħna nistgħu permezz ta’ ħidmietna nġibu l- Ewropa ftit iktar aħjar, ftit iktar sikura u ftit iktar ugwali għalina lkoll.”
Il-fora kellha wkoll kelliema Maltin magħrufa, li qasmu l-għarfien tagħhom fuq suġġetti varji. Fost il-kelliema mistiedna kien hemm Fr Joe Borg, magħruf għall-perspettivi tiegħu fuq kwistjonijiet soċjali, kif ukoll fuq kif wieħed għandu jikkomunika l-aħjar mod il-messaġġ lill-udjenza. Peppi Azzopardi, personalità magħrufa ħafna fuq il-midja, tkellem dwar ir-rakkont tal-istejjer bħala aspett essenzjali biex jinġabru l-flus f’maratoni ta’ karità. Dawnson Camilleri tkellem dwar l-intelliġenza artifiċjali. Minn Caritas Malta tkellmu Josef Pace, Kordinatur tas- Servizzi Psiko-soċjali fejn spjega l-importanza ta’ Caritas Community Centre u kif iservi lis- Soċjetà b’servizzi varji, filwaqt li ċ-Chief Financial Officer, Ritianne Fiteni Cassar tkellmet dwar l-importanza ta’ budgeting u metodi ta’ sostenn għall-sostenibbiltà finanzjarja. Marica Cassar il-PRO u Fundraiser spejgat dwar metodi differenti li Caritas Malta tuża biex twassal il-messaġġ tagħha lill-awtoritajiet u lis-soċjetà. Is-sehem ta’ dawn il-kelliema żid element lokali, u provda għarfien essenzjali u perspettivi friski għall-membri minn pajjiżi differenti.
Il-parteċipanti pparteċipaw f’diskussjonijiet, f’workshops, u f’sessjonijiet interattivi li kellhom l-għan li jsaħħu l-abbiltajiet u l-għarfien f’dak li għandu x’jaqsam mal-komunikazzjoni u mal-ġbir ta’ fondi. Is-suġġetti diversi li ġew esplorati matul il-forum ipprovdew viżjoni kompluta tal-isfidi preżenti u opportunitajiet li jiġu affaċċjati bihom l-organizzazzjonijiet fis-settur soċjali u karitattiv.
Hekk kif il-forum ġie fi tmiemu, Caritas Malta sostniet li tinsab sodisfatta li offriet il-faċilitajiet tagħha biex tiffaċilita l-qsim tal-ideat u l-esperjenzi bejn professjonisti minn madwar l-Ewropa. L-attività mhux biss issaħħaħ ir-rabta fost il-parteċipanti imma pprovdiet spazju biex jitkabbru l-abbilitajiet għal kawża ikbar.
Caritas Malta estendiet l-apprezzament lill-kelliema, parteċipanti, u kollaboraturi li għamlu din l-attività possibbli u biex flimkien jaħdmu għall-kawża biex il-komunikazzjoni u ġbir ta’ fondi ikunu dejjem iktar effettivi bħala servizz għal dawk fil-bżonn.