Fl‑okkażjoni tal‑Jum Dinji għas‑Saħħa Mentali 2023, bit‑tema ‘Is‑saħħa mentali hija dritt universali tal‑bniedem’, aħna l‑Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex nixtiequ nenfasizzaw kemm hu importanti li lkoll kemm aħna nieħdu ħsieb is‑saħħa mentali tagħna u tal‑oħrajn.

Niftakru, b’mod speċjali, f’dawk li għaddejjin minn problemi fis‑saħħa mentali tagħhom. Inħeġġukom bil‑ħerqa: fittxu l‑għajnuna li teħtieġu.

Nirringrazzjaw lil dawk kollha, fosthom NGOs, li qed jiddedikaw ruħhom b’impenn kbir biex joffru terapija u jagħtu risposta dinjituża fejn hemm problemi ta’ saħħa mentali.

Ninkoraġġixxu lil kulħadd biex inkunu ta’ appoġġ sħiħ għal xulxin —għall‑qraba tagħna, għall‑ħbieb, għall‑kollegi tax‑xogħol, u għal dawk kollha li għandhom dawn id‑diffikultajiet— biex ħadd ma jispiċċa waħdu bil‑piż tat‑tbatija. Kelma ta’ ġid tiswa mitqlu deheb f’mumenti bħal dawn.

Inħeġġu, b’mod speċjali, lill‑komunitajiet tagħna biex ikomplu jieħdu ħsieb dawk il‑persuni li qed ibatu minn solitudni jew li jħossuhom iżolati. Irridu nintebħu bil‑karba għall‑għajnuna li kultant tkun siekta u moħbija u tispiċċa ma tinstemax.

Nitolbu lill‑Mulej biex jgħinna lkoll ħalli dejjem ngħożżu l‑ħajja u d‑dinjità ta’ kull bniedem, u nwettqu l‑impenn tagħna għat‑tisħiħ tas‑saħħa mentali fis‑soċjetà tagħna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

✠ Anton Teuma
    Isqof ta’ Għawdex 

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

    Dun Jimmy Bonnici
    Segretarju Ġenerali Konferenza Episkopali