L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Strieħ, kul, ixrob, ixxala” (Lq 12:19). Dan hu li r-raġel għani tal-parabbola fl-Evanġelju llum jgħid lilu nnifsu għax jibda jaħseb biex iħott l-imħażen li għandu ħalli jibni mħażen ġodda. L-Evanġelju jgħid li kellu kotra ta’ frott mir-raba’ u ma kellux fejn iqiegħdu, u għalhekk beda jaħseb kif se jagħmel ħalli jaħżen dan il-ġid kollu tiegħu. Imma kien diġà għamilha fatta li meta l-imħażen ikunu lesti, hu jkun jista’ jistrieħ, jiekol, jixrob, jixxala.
Imma x’nesa dan ir-raġel għani? Nesa li ma kienx hu li qed jikkontrolla s-snin ta’ ħajtu. Nesa li għada ħadd ma rah. Ħaseb li se jgħix għal ħafna snin, imma fil-fatt lanqas kien se jara l-għada, imma bil-lejl kien se jgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem. Hu għalhekk li Ġesù jgħid: “Iblaħ li int! Dal-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li hejjejt ta’ min ikunu?” (Lq 12:20)
Il-messaġġ li qed jagħti Ġesù fil-parabbola huwa messaġġ qawwi u importanti ħafna għall-ħajja tagħna. Ġesù mhux qed jgħid li aħna ma għandniex nippjanaw għall-futur, jew li għandna nintelqu u nħallu l-affarijiet jimxu waħedhom. Mhux qed jgħid li ma għandniex naħsbu għall-għada. Mhux qed jgħid li l-frott tax-xogħol tagħna ma għandniex naħżnuh sew. Imma li qed jgħid hu l-iżball li nagħmlu jekk, fi kliemu, wieħed “jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla” (Lq 12:21). Hi r-regħba li fuqha qed jitkellem Ġesù, hi l-kilba li wieħed ikollu, u jkollu aktar, u mhux kuntent b’li għandu, u dejjem irid aktar – kollox għalih innifsu, qisu se jgħix għal dejjem.
Hu realistiku dal-kliem ta’ Ġesù? Dażgur li hu! Niltaqgħu ma’ wisq eżempji fil-ħajja. Faċli li aħna nintrikbu mir-regħba, li tfisser li dejjem irridu aktar.
Għalhekk Ġesù jgħid: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom mir-regħba. Għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu” (Lq 12:15). Il-punt li qed jagħmel Ġesù hu li rridu noqogħdu ħafna attenti ma nħallux ir-regħba tmexxina. Dak li hemm fl-Evanġelju llum hu fil-fatt l-esperjenza ta’ ħafna nies: l-inkwiet fuq il-wirt. Kultant ikun imqar xi ħadd, persuna waħda fil-familja li toħloq ħafna konflitti proprju għax titmexxa mir-regħba, qisu l-ħajja tiddependi mill-ġid li wieħed ikollu. Kemm familji ma jistgħux jgħixu fil-paċi minħabba l-wirt!
Il-messaġġ li jagħtina llum il-Mulej hu biex naħdmu ħalli jkollna dejjem f’qalbna dan l-ispirtu tiegħu. Li aħna naħdmu, nirsistu, nippjanaw għalina u għall-familja tagħna, naħdmu ħalli l-ġid jitkattar; imma nagħmlu dan b’mod li nistagħnew quddiem Alla, jiġifieri li anke naħsbu fl-oħrajn, speċjalment f’dawk li huma fil-bżonn, inkunu lesti li ngħinuhom mill-ġid tagħna, u ma nħallux il-preokkupazzjoni tal-ġid itellifna l-ħajja tagħna. Ġieli jiġri dan: tant wieħed ikun preokkupat b’li għandu li ma jkunx jista’ jgħix fil-paċi. Għalhekk Ġesù jrid li aħna niftakru li dejjem għandna ngħixu l-ħajja tagħna fil-paċi u s-serenità, sakemm jiddependi minna naturalment imma nagħmlu ħilitna biex ngħixu hekk; u li nużaw il-ġid tagħna tajjeb għalina, għall-familja tagħna, imma wkoll għal dawk li huma fil-bżonn. Irridu niftakru li meta l-Mulej se jsejħilna għal għandu, ma aħniex se nġorru magħna dak li għandna; dak inħalluh hawn. Inġorru magħna biss il-ġid li nkunu għamilna ma’ ħaddieħor.
Nitolbu lill-Mulej illum: għinna biex nużaw tajjeb il-ġid li għandna b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju