Residenti f’waħda mid‑djar tal‑anzjani tal‑Knisja, Dar Saura fir‑Rabat, se jiġu rilokati f’residenzi aktar moderni biex ikollhom ambjent aħjar ta’ kura u iżjed dinjituż.

Is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi, Michael Pace Ross qal: “F’dawn l‑aħħar snin kien qed jidher biċ‑ċar li jekk ma jsirx ristrutturar maġġuri, Dar Saura mhux se tkun tista’ toffri l‑kwalità tal‑ħajja li tixraq lill‑45 resident tagħha, u għalhekk, il‑Knisja se tkun qed tipprovdi alternattivi aħjar għalihom.

“Naturalment nifhmu li din id‑deċiżjoni se tikkawża xi tfixkil f’ħajjithom u se nkunu qed nagħmlu dak kollu possibbli biex it‑tranżizzjoni tkun kemm jista’ jkun bla xkiel. Il‑benessri tagħhom jibqa’ l‑ogħla prijorità tagħna, u se nkunu qed nieħdu ħsiebhom.”

L‑Arċidjoċesi se tassisti wkoll lill‑ħaddiema full‑time tar‑residenza biex jiġu impjegati fi ħdan is‑settur tal‑kura, fejn hemm domanda sinifikanti għas‑servizzi tagħhom. 

Is‑Sur Pace Ross ipprovda dettalji dwar ir-rilokazzjoni lir‑residenti, lill‑qraba, u lill‑ħaddiema waqt laqgħa fir‑residenza mmexxija mill‑Knisja, li matulha spjega li Dar Saura se tieqaf topera sar‑rebbiegħa tas‑sena d‑dieħla. 

Wara li tingħalaq, din il‑binja skedata tas‑seklu 17 —li oriġinarjament kienet tintuża bħala sptar għal nies li jbatu minn mard kroniku— se titranġa u tintuża għal skopijiet oħra, li għadhom iridu jiġu deċiżi.