Għeżież ħuti,
Fl-aħħar drabi rajna li t-tħabbira Nisranija hija ferħ u hi għal kulħadd; illum qed naraw it-tielet aspett: hija għal-lum.
Kważi dejjem tisma’ lil min jitkellem ħażin fuq iż-żmien tal-lum. Veru, bejn gwerer, bidliet fil-klima, inġustizzji kullimkien u migrazzjonijiet, kriżijiet fil-familja u fit-tama, ma jonqsux ir-raġunijiet ta’ preokkupazzjoni. B’mod ġenerali, illum jidher li għandna kultura li tpoġġi lill-individwu fuq kull ħaġa oħra u t-teknoloġija fiċ-ċentru ta’ kollox, bil-kapaċità tagħha li ssolvi ħafna problemi u l-progressi ġganteski tagħha f’tant oqsma. Imma fl-istess waqt din il-kultura tal-progress teknoloġiku-individwali qed twassal għall-affermazzjoni ta’ libertà li ma tridx min jillimitaha u tidher indifferenti lejn min jaqa’ lura. U hekk l-aspirazzjonijiet kbar tal-bnedmin titfagħhom f’idejn il-loġika tal-ekonomija li spiss tibla’ kollox, b’viżjoni tal-ħajja li tarmi lil min ma jipproduċix u ssibha bi tqila tħares lil hemm mill-immanenti. Nistgħu saħansitra ngħidu li ninsabu fl-ewwel ċiviltà tal-istorja li globalment qed tipprova torganizza soċjetà umana mingħajr il-preżenza ta’ Alla, ikkonċentrata fi bliet enormi li jibqgħu orizzontali anki jekk għandhom binjiet għoljin li jagħtuk il-mejt.
Jaħbat ma’ moħħi r-rakkont tal-belt ta’ Babel u tat-torri tagħha (ara Ġen 11:1-9). Jirrakkonta proġett soċjali li jrid jissagrifika kull individwalità għall-effiċjenza tal-kollettività. L-umanità titkellem biss lingwa waħda – nistgħu ngħidu li għandha “ħsieb wieħed” –, qisha mgeżwra fi speċi ta’ seħer ġenerali li jassorbi l-uniċità ta’ kull persuna f’bużżieqa ta’ uniformità. Allura Alla jgerfxilhom l-ilsna, jiġifieri jerġa’ jistabbilixxi d-differenzi, joħloq mill-ġdid il-kundizzjonijiet biex jistgħu jiżviluppaw l-unċitajiet, jerġa’ jagħti l-ħajja lill-multipliċità hemm fejn l-ideoloġija riedet timponi l-uniku. Il-Mulej lill-umanità jneħħilha wkoll id-dellirju tal-omnipotenza tagħha: “nagħmlu isem għalina”, jgħidu minfuħa bihom infushom in-nies ta’ Babel (v. 4), li jridu jaslu m’ogħla s-sema, jieħdu post Alla. Imma dawn huma ambizzjonijiet perikolużi, aljenanti, qerrieda, u l-Mulej, meta jħawwad dawn l-aspettattivi, qed jipproteġi lill-bnedmin, iħarishom minn diżastru ċert. Dan ir-rakkont jidher tassew attwali: illum ukoll il-koeżjoni, flok fuq il-fraternità u fuq il-paċi, spiss qed tissejjes fuq l-ambizzjoni, fuq in-nazzjonaliżmi, fuq l-omologazzjoni, fuq strutturi teknoloġiċi-ekonomiċi li jżidu l-persważjoni li Alla hu insinifikanti u inutli: mhux tant għax infittxu li nsiru nafu iżjed, imma fuq kollox li jkollna iktar poter. Hija tentazzjoni li tmiss l-isfidi kbar tal-kultura ta’ żmienna.
Fl-Evangelii gaudium ippruvajt niddeskrivi xi wħud minnhom (ara nn. 52-75), imma fuq kollox stedint għal “evanġelizzazzjoni li ddawwalna b’modi ġodda ta’ kif nidħlu f’relazzjoni ma’ Alla, mal-oħrajn u mal-ambjent, u li turina liema huma l-valuri fundamentali. Jeħtieġ naslu hemm fejn qed jiġu msawra rakkonti u mudelli ġodda, nilħqu bil-Kelma ta’ Ġesù l-imkejjen l-iżjed profondi ta’ ruħ il-belt” (n. 74). Fi kliem ieħor, nistgħu nħabbru lil Ġesù biss jekk ngħixu l-kultura ta’ żmienna; u dejjem bil-kelmiet f’qalbna tal-Appostlu Pawlu dwar illum: “Araw, issa hu ż-żmien tajjeb; araw, issa hu jum is-salvazzjoni!” (2 Kor 6:2). Allura ma għandniex għalfejn neħduha kontra żmienna b’viżjonijiet alternattivi mill-passat. Lanqas hu biżżejjed intennu sempliċiment konvinzjonijiet reliġjużi li ksibna u li, huma kemm huma veri, isiru astratti maż-żmien. Verità ma ssirx iktar kredibbli għax nerfgħu leħinna biex ngħiduha, imma għax nagħtu xhieda tagħha bil-ħajja.
Iż-żelu appostoliku qatt ma hu sempliċi ripetizzjoni ta’ stil li ksibna, imma xhieda li l-Vanġelu huwa ħaj illum hawn għalina. Konxji minn dan, ejjew mela nħarsu lejn l-epoka tagħna u lejn il-kultura tagħna bħala don. Dawn huma tagħna u li nevanġelizzaw ma jfissirx niġġudikawhom mill-bogħod, lanqas li noqogħdu ngħajtu l-isem ta’ Ġesù minn fuq xi gallarija, imma li ninżlu fit-triq, immorru fil-postijiet fejn hemm il-ħajja, niffrekwentaw l-ispazji fejn hemm min qed ibati, jaħdem, jistudja u jirrifletti, ngħixu fis-slaleb tat-toroq fejn il-bnedmin jaqsmu flimkien dak li għandu sens għal ħajjithom. Ifisser li nkunu, bħala Knisja, “il-ħmira tad-djalogu, tal-laqgħa, tal-għaqda. Wara kollox, l-istess espressjonijiet tal-fidi huma frott id-djalogu u l-laqgħa bejn il-kulturi, il-komunitajiet u l-esiġenzi differenti. M’għandniex għalfejn nibżgħu mid-djalogu: anzi huma proprju d-diskussjoni u l-kritika li jgħinuna nindukraw it-teoloġija biex ma tintemmx mibdula f’ideoloġija” (Diskors fil-V Konvenju nazzjonali tal-Knisja Taljana, Firenze, 10 ta’ Novembru 2015).
Hemm bżonn li ninżlu fi slaleb it-toroq ta’ żmienna. Jekk noħorġu minnhom inkunu nfaqqru l-Vanġelu u nirriduċu l-Knisja għal setta. Imma jekk immorru fihom aħna l-Insara nistgħu nifhmu b’mod imġedded ir-raġunijiet tat-tama tagħna, biex nisiltu u naqsmu mit-teżor tal-fidi “ħwejjeġ ġodda u oħrajn qodma” (Mt 13:52). F’kelma waħda, iktar milli nikkonvertu mill-ġdid id-dinja tal-lum, hemm bżonn li nibdlu l-pastorali biex tinkarna aħjar il-Vanġelu fi żmienna (ara Evangelii gaudium, 25). Ejjew nagħmlu tagħna x-xewqa ta’ Ġesù: ngħinu lil sħabna fil-vjaġġ biex ma jitilfux ix-xewqa ta’ Alla, biex jiftħu qalbhom għalih u jsibu lil dak li waħdu, illum u dejjem, jagħti l-paċi u l-ferħ lill-bniedem.
Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard