Illum ġie inawgurat il‑Pilgrim’s Lodge, mużew ekkleżjastiku ġdid biswit is‑Santwarju Nazzjonali tal‑Madonna tal‑Mellieħa. Dan sar b’investiment konġunt ta’ €643,000 mill‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, l‑Awtorità Maltija għat‑Turiżmu u fondi Ewropej.
Dan il‑mużew, li l‑binja tiegħu hi waħda mill‑eqdem fil‑Mellieħa, joffri tagħrif dwar l‑istorja tas‑Santwarju tal‑Mellieħa kif ukoll oġġetti devozzjonali użati mis‑santwarju matul is‑snin. Permezz ta’ dawn l‑oġġetti, kull min se jżur il‑post se jkun jista’ jesperjenza dak li għexu l‑pellegrini li matul is‑snin żaru l‑Madonna tal‑Mellieħa sabiex tinterċedi għalihom fil‑bżonnijiet tagħhom.
Id‑dettalji tħabbru waqt ċerimonja tal‑inawgurazzjoni li għaliha attendew l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi, il‑Ministru għat‑Turiżmu Clayton Bartolo, is‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Chris Bonett, l‑Arċipriet tal‑Parroċċa tal‑Mellieħa Dun Joe Caruana, il‑Kunsill Lokali tal‑Mellieħa, rappreżentanti tal‑Awtorità Maltija għat‑Turiżmu u mistednin oħrajn.
L‑Isqof Joseph Galea‑Curmi rringrazzja lil kull min ta sehmu u qal li dan il‑mużew, li sar b’ħafna ħidma minn entitajiet differenti, juri l‑frott li tħalli meta kulħadd jaħdem flimkien u jiġbed ħabel wieħed. Enfasizza li dan il‑proġett u l‑ħafna oħrajn li ġew inawgurati fl‑aħħar snin juru l‑bżonn li ngħożżu l‑patrimonju li ħallewlna missirijietna għall‑ġid tal‑Maltin u l‑Għawdxin tal‑lum u sabiex lill‑ġenerazzjonijiet li ġejjin nħallulhom wirt tassew sabiħ.
Il‑Ministru għat‑Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka kif dan il‑mużew ekkleżjastiku huwa opportunità li permezz tiegħu pajjiżna jkompli jsaħħaħ il‑prodott tiegħu fejn tidħol in‑niċċa tat‑turiżmu reliġjuż. “Fejn jidħlu tradizzjonijiet reliġjużi, il‑Gżejjer Maltin huma rinomati għall‑festi interni u esterni li jsiru fl‑irħula u l‑ibliet matul ix‑xhur sajfin. Madankollu, attrazzjonijiet ta’ din l‑għamla jgħinu bil‑kbir biex il‑Maltin, l‑Għawdxin u t‑turisti jgawdu mill‑istorja kulturali reliġjuża li taf toffri Malta matul is‑sena kollha,” saħaq il‑Ministru Bartolo.
Is‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Chris Bonett qal li kif jixhed proġett bħal dan, l‑għajnuna ta’ fondi Ewropej flimkien ma’ dawk nazzjonali, qegħdin jintużaw sabiex jiġu konservati diversi oqsma tal‑wirt kulturali ta’ pajjiżna filwaqt li jiżdied il‑valur tal‑prodott turistiku Malti.
“Hekk kif wasalna fl‑aħħar tal‑programm ta’ fondi Ewropej 2014‑2020, proġetti bħal dawn jenfasizzaw il‑mira tal‑Gvern li qiegħed juża r‑riżorsi kollha sabiex jinvesti fil‑ preservazzjoni ta’ siti kulturali, ikunu jistgħu jitgawdew fit‑tul mil‑ġenerazzjonijiet li ġejjin filwaqt li jservu ta’ benefiċċju mhux biss għat‑turisti iżda wkoll għall‑komunità u ta’ tifkira tal‑istorja rikka ta’ pajjiżna,” tenna Dr Bonett.
L‑Arċipriet tal‑Mellieħa, Dun Joe Caruana, qal li dan il‑proġett kien impenjattiv għaliex minbarra r‑restawr tal‑ġebla tal‑kmamar u l‑installazzjoni ta’ servizzi ġodda, l‑ikbar proġett kien li jissaħħew il‑pedamenti tal‑binja kawża tal‑ħsarat strutturali li l‑post ġarrab mal‑medda taż‑żmien. B’mod partikolari, hu rringrazzja lill‑komunità Melliħija li emmnet fil‑proġett u tat is‑sostenn tagħha biex dan jitwettaq.
Is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross irringrazzja lill‑ħaddiema kollha li kienu involuti f’dan il‑proġett, fosthom Gabriella Mallia mill‑EMCS, Suzannah Depasquale u Theresa Vella mill‑Curatorial Studio, u lil Mardeo Farrugia li ħa ħsieb l‑andament tal‑proġett.
Il‑Pilgrim’s Lodge jagħmel parti mit‑33 proġett ta’ restawr li l‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta qed twettaq sabiex issir il‑konservazzjoni, il‑protezzjoni u l‑promozzjoni tal‑wirt kulturali ekkleżjastiku.