L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Wieħed mill-aspetti kommoventi ta’ din il-festa hu l-misteru kbir tal-imħabba ta’ Alla, li ħerqana li tinfirex mat-trufijiet tal-art, u tlaqqa’ mal-ħniena ta’ Alla lill-ġnus kollha. Illum nistgħu ngħidu li qed niċċelebraw l-inklussività, u l-universalità tal-imħabba u tal-ħniena ta’ Alla. Din it-tarbija ċkejkna li twieldet fil-belt ta’ David, mhijiex biss imwielda għall-poplu Lhudi, imma hi wkoll ta’ salvazzjoni għall-ġnus. Ta’ 40 jum, Ġesù jkun f’dirgħajn Xmun fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, u li dan “ir-raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael” (Lq 2:25), u jara l-Messija tal-Mulej, imdawwal mill-Mulej stess, iħares lejn din it-tarbija, u jirringrazzja lil Alla li qed jaraha b’għajnejh, qed jaraha wiċċ imb wiċċ, u jgħid, din hi “dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu ta’ Iżrael” (Lq 2:32). Din hi s-salvazzjoni ta’ Alla, u dan “se jkun ukoll sinjal li jmeruh” (Lq 2:34).

Nistgħu ngħidu, li dawn l-aspetti kollha, li aħna nisimgħu fuqhom fil-Gandlora, fit-2 ta’ Frar, nisimgħuh ukoll f’dan ir-rakkont, f’din il-festa tal-lum. Fil-misteru tal-kewkba li tiddi, Ġesù huwa għall-ġnus id-dawl, id-dawl li jiddi fid-dlam. Għeżież, intom u tirringrazzjaw lil Alla tas-Sagrament taż-Żwieġ, itolbu lill-Mulej li jkun dejjem, f’kull mument għalikom, dawl fid-dlam tal-ħajja. Ġesù jrid ikun il-kewkba tal-ħajja tagħkom, dik li tagħtikom mira, direzzjoni u sigurezza fil-vjaġġ. San Mattew jgħidilna, li meta kienet tinħeba, il-Maġi kienu jkunu konfużi, imma meta l-kewkba terġa’ tidher, kienu jimtlew b’ferħ kbir. Nitlob għalikom, biex intom ikollkom ukoll f’qalbkom ħafna drabi, fil-ħajja miżżewġa tagħkom, il-ferħ ta’ min jaf li Ġesù hu dik il-kewkba, dak id-dawl żgur, li jiggwidana, jagħtina l-faraġ, wens u kenn.

Ġesù hu wkoll salvazzjoni, salvazzjoni għal kulħadd. Ejjew illum, nippreżentaw quddiemu kull aspett tal-ħajja tagħna, dak kollu li qed jinkwetana. L-università u l-inklussività tiegħu, ma tħalli lil ħadd minnha ’l barra mill-ħniena ta’ Alla. Allura fil-mumenti tad-dgħufija, ta’ tentazzjoni; fil-mumenti tal-waqgħa, nerġgħu nersqu lejh, għax ismu jfisser ‘Alla jsalva’. Kemm hu kommoventi, li tisma’ l-Knisja tfaħħar lil Alla, kif għamlet fil-bidu ta’ din il-quddiesa llum, talli lil Alla rajnieh fit-tarbija ta’ Betlehem, imma aħna qed nixxenqu wkoll, li narawh wiċċ imb wiċċ. Intom tgħallmuni, li dan hu l-lingwaġġ tal-imħabba. Il-maħbubin, jixxenqu u jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ. Ħafna drabi fil-ħajja, il-kuntatti tagħna jkunu virtwali, diġitali, imma l-ebda kuntatt ma jista’ jissostitwixxi, jew ikollu l-qawwa emottiva tal-laqgħa wiċċ imb wiċċ.

Meta jkollkom xi tgħidu tibagħtux kliem ta’ frustrazzjoni. Fil-messaġġi tal-imħabba għamlu li tridu, ikteb ‘I love you’, ‘Good morning!’; imma meta hemm kliem ta’ frustrazzjoni, ħu nifs ’il ġewwa, u stenna li dak li jkun tgħidlu wiċċ imb wiċċ. Għax il-laqgħa tal-għajnejn, il-laqgħa tal-wiċċ, ittaffi ħafna weġgħat. Nawguralkom li laqgħa ta’ wiċċ ma’ wiċċ tkun dejjem misteru  ta’ trasformazzjoni, u ta’ fejqan.

Aħna llum qegħdin nirringrazzjaw lil Alla, fil-festa tal-Epifanija, lil Alla fit-tarbija ta’ Betlehem, stajna narawh wiċċ imb wiċċ. U qed nixxenqu, mhux għax mgħaġġlin ħafna, imma qed nixxenqu, li meta tispiċċa din il-ħajja nkunu nistgħu ngawduh wiċċ imb wiċċ, fit-tgħanniqa tal-imħabba.

Imma fir-rakkont tal-lum hemm Erodi wkoll. Erodi hu s-sinjal ta’ dawk li jmeru l-messaġġ tal-imħabba ta’ Ġesù. U aħna ma nkunux leali lejn xulxin, jekk ma naffaċċjawx ir-realtà, li anke l-imħabba miżżewġa hemm min imeriha, kemm fin-narrattiva diretta tal-ħajja tagħkom, kif ukoll fil-perċezzjoni tas-soċjetà. ‘Għal dejjem? Mal-istess wieħed, mal-istess waħda? Dan x’diskors hu?’ Intom sinjal li jmerukom; imma intom sinjal qaddis, sinjal bżonjuż, sinjal dgħajjef, għax aħna bnedmin tad-demm u l-laħam; imma bil-qawwa ta’ Alla, bil-ħniena tiegħu, u bl-imħabba tiegħu, tibqgħu sinjal sabiħ għad-dinja.

I will do a message to our English-speaking guests, as we celebrate the Epiphany, we celebrate this great feast, where we meet the universal attraction of Jesus, Jesus attracts the whole mankind. This is the feast where we celebrate how inclusive, we embrace how universal the mercy and the love of God is. And we celebrate the Epiphany, as we wonder in awe at the light of the star of Betlehem, and yearn to see Jesus as our guiding light, that gives us comfort, focus, direction, when we tend to be lost or confused. But Jesus is also the one who saves. He saves every corner of our darkened lives, He is also the glory of humanity. And we pray, that we, with the prayer of the Church today, yearn to meet him face to face, in the embrace of love and mercy.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 60:1-6
Salm: 71 (72):1-2,7-8,10-11,12-13
Qari II: Ef 3:2-3a. 5-6
L-Evanġelju: Mt 2:1-12

Aktar ritratti