Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum qed niċċelebraw il-Magħmudija tal-Mulej (cfr Mk 1,7-11). Din isseħħ fix-xmara Ġordan, fejn Ġwanni – imsejjaħ il-Battista propju minħabba f’hekk – qed jagħmel rit ta’ purifikazzjoni, li jesprimi impenn ta’ tbegħid mid-dnub u konverżjoni. Il-poplu jmur biex jitgħammed bl-umiltà, bis-sinċerità u, kif tgħidilna l-Liturġija “b’qalb u saqajn għerja”, u Ġesù wkoll imur, u jinawgura l-ministeru tiegħu: b’hekk juri li jrid ikun qrib il-midinbin, li ġie minħabba fihom, għalina lkoll għax aħna lkoll midinbin.
U propju dakinhar seħħew xi fatti straordinarji. Ġwanni l-Battista jgħid ħaġa mhux tas-soltu, jistqarr pubblikament li Ġesù, li fid-dehera hu bħall-oħrajn kollha, hu wieħed “aktar qawwi”(v. 7) minnu u li kellu “jgħammed bl-Ispirtu s-Santu (v. 8)”. Imbagħad jinfetħu s-smewwiet, l-Ispirtu s-Santu jinżel fuq Ġesù f’għamla ta’ ħamiema (cfr v. 10) u mill-għoli leħen il-Missier jiddikjara: “Int Ibni l-għażiż: fik sibt l-għaxqa tiegħi” (v. 11).
Min-naħa, dan kollu jurina li Ġesù hu Iben Alla, mill-oħra jkellimna dwar il-Magħmudija tagħna, li għamlitna wlied Alla, għax il-Magħmudija tagħmilna ulied Alla.
Bil-Magħmudija, Alla jiġi fina, isaffina, ifejjaq lil qalbna, jagħmilna wliedu għal dejjem, werrieta tal-Ġenna (cfr Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1279). U Alla jitwaħħad intimament magħna u ma jitbiegħed qatt aktar. Għalhekk importanti niftakru fil-jum tal-Magħmudija u nkunu nafu d-data. Insaqsi lilkom ilkoll – kulħadd jaħseb ftit -: “Jien niftakarha d-data tal-Magħmudija tiegħi?” Jekk ma tiftakarhiex, meta terġa’ lura d-dar, staqsi biex ma tinsiha qatt aktar, għax dak hu birthday ġdid, għax bil-Magħmudija tiegħek int twelidt għall-ħajja tal-grazzja. Niżżu ħajr lill-Mulej għall-Magħmudija. U nirringrazzjawh ukoll għall-ġenituri tagħna li ħaduna lejn il-fonti, għal min amministralna s-Sagrament, għall-parrini għall-komunità li fiha rċevejna l-Magħmudija. Nagħmlu festa fl-anniversarju tal-Magħmudija tagħna: hu birthday ġdid.
U nistgħu nistaqsu: “jien konxju tad-don bla qies li għandi fija bis-saħħa tal-Magħmudija” Nagħraf, f’ħajti, id-dawl tal-preżenza t’Alla li jarani bħala ibnu maħbub, bħala bintu maħbuba? U issa, bit-tifkira tal-Magħmudija tagħna, nilqgħu l-preżenza t’Alla fina. Nistgħu nagħmlu dan bir-radd tas-salib li fina jimmarka t-tifkira tal-grazzja t’Alla li jħobbna u jixtieq jibqa’ magħna. Is-sinjal tas-salib li jfakkarna f’dan. Irroduh flimkien: fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
U tinsewx id-data tal-Magħmudija, li hi birthday. Marija, tempju tal-Ispirtu, tgħinna niċċelebraw u nilqgħu l-meravilji li l-Mulej iwettaq fina.
Sors: laikos.org