Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Il‑kappillan ta’ Raħal Ġdid bi pjaċir iħabbar li l‑kampnar u l‑portiku tal‑Bażilika ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid se jiġu rrestawrati permezz ta’ għajnuna finanzjarja mill‑Gvern.

Dun Marc André Camilleri qal li wara laqgħat mal‑Ministri Byron Camilleri u Owen Bonnici, intlaħaq ftehim li l‑Gvern se jikkontribwixxi €400,000 għall‑proġett.

Il‑kappillan qal li permezz ta’ din l-għotja finanzjarja, il‑parroċċa qed tippjana li l‑portiku jintuża bħala pjattaforma għall‑viżitaturi u jkun ukoll post fejn isiru avvenimenti u attivitajiet oħra ta’ ġbir ta’ fondi. Intant, hu ppjanat li l‑kafetterija tkun fil‑pjan terren.

Dun Camilleri qal: “Dan il-ftehim hu ta’ vantaġġ għall-parroċċa għaliex filwaqt li se tirrestawra partijiet mill-bazilika, il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità jgawdu l-veduta spettakolari minn fuq il-bejt. Il-kafetterija se tkun fil-pjan terren u l-parroċċa laħqet l-għan ewlieni tagħha li l-manutenzjoni tal-knisja tkun aktar sostenibbli”.

Il‑parroċċa diġà bdiet ix‑xogħlijiet ta’ restawr u tittama li l‑proġett jitlesta s‑sena d‑dieħla.