Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum ikellimna dwar Ġesù li bis-sempliċità jafferma: “Jien hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema” (Ġw 6,51). Quddiem il-folla Ġesù jidentifika ruħu mal-ikel l-aktar komuni tal-ħajja ta’ kuljum, il-ħobż: “Jiena hu l-ħobż”. Fost dawk li kienu jisimgħuh, xi wħud bdew jitlewmu bejnietom (ara v. 52): kif jista’ Ġesù jtina nieklu ġismu? Illum aħna wkoll nagħmluha dil-mistoqsija, imma bi stagħġib u bil-gratitudni. Dawn huma żewġ atteġġjamenti li ta’ min jirrifletti fuqhom: stagħġib u gratitudni, quddiem il-miraklu tal-Ewkaristija.

L-ewwel: l-istagħġib, għax kliem Ġesù jissorprendina. Imma Ġesù jissorprendina dejjem. Illum ukoll, fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, Ġesù jissorprendina dejjem. Il-ħobż mis-sema hu don li jisboq kull mistenni. Min ma jilqax l-istil ta’ Ġesù jibqa’ bis-suspetti: donnha ħaġa impossibbli, saħansitra diżumana, li tiekol il-laħam ta’ xiħaddieħor (ara v. 54). Iżda, il-laħam u d-demm huma l-umanità tas-Salvatur, ħajtu stess offruta bħala nutriment għall-ħajja tagħna.

U dan iwassalna għat-tieni atteġġjament: il-gratitudni – l-ewwel l-istagħġib, issa l-gratitudni -, għax aħna nagħrfu lil Ġesù hemm, fejn hu preżenti għalina u magħna. Isir ħobż għalina. “Min jiekol ġismi jibqa’ fija u jiena fih” (ara v. 56). Kristu, il-bniedem veru, jaf tajjeb li biex wieħed jgħix jeħtieġ l-ikel. Iżda jaf ukoll li dan mhux biżżejjed. Wara li kattar il-ħobż tad-dinja (ara Ġw 6, 1-14), Hu jħejji don akbar: Hu nnifsu jsir veru ħobż u veru xorb (ara v. 55). Grazzi Mulej Ġesù! Minn qalbna nistgħu ngħidu: grazzi, grazzi.

Il-ħobż mis-sema, li ġej mill-Missier hu propju Ibnu magħmul bniedem għalina. Dan l-ikel hu aktar minn meħtieġ għalina għax jaqta’ l-ġuħ tat-tama, il-ġuħ tal-verità, il-ġuħ tas-salvazzjoni u li lkoll kemm aħna ma nħossuhx fl-istonku, imma fi qlubna. L-Ewkaristija hi neċessarja, għal kulħadd.

Ġesù jieħu ħsieb l-akbar bżonn tagħna: isalvana, irejjaq ħajjitna bil-ħajja tiegħu, u dan għal dejjem. U permezz tiegħu nistgħu ngħixu f’komunjoni ma’Alla u bejnietna. Il-ħobż ħaj u veru, għalhekk, mhux xi biċċa maġija, le, mhux ħaġa li f’ħakka t’għajn issolvi l-problemi kollha, imma hi l-istess Ġisem ta’ Kristu, li jagħti t-tama lill-foqra u jegħleb l-arroganza ta’ minn jitħanżer minn fuq daharhom.

Allura, ħuti, insaqsu lilna nfusna: għandi ġuħ u għatx għas-salvazzjoni, mhux tiegħi biss imma ta’ ħuti l-oħrajn kollha? Meta nirċievi l-Ewkaristija, li hi l-miraklu tal-ħniena, naf nistagħġeb quddiem il-Ġisem tal-Mulej li miet u rxoxta għalina?

Nitolbu flimkien lill-Verġni Marija biex tgħinna nilqgħu id-don li ġej mis-sema taħt ix-xbieha tal-ħobż.

Wara l-Anġelus

Għeżież ħuti!

Illum, f’Uvira, fir-Repubblika Demokratika tal-Congo, ġew beatifikati Luigi Carrara, Giovanni Didone’ u Vittorio Faccin, missjunarji saverjani taljani, flimkien ma Albert

Joubert, saċerdot mill-Congo, li nqatlu f’dak il-pajjiż nhar it-28 ta’ Novembru, 1964. Il-martirju tagħhom kien il-kuruna ta’ ħajja mogħtija lill-Mulej u lil ħuthom. Jalla l-eżempju tagħhom u l-interċessjoni tagħhom ikunu ta’ fejda biex jinstabu totorq ta’ rikonċiljazzjoni u paċi għall-ġid tal-poplu tal-Congo. Applaws lill-Beati l-ġodda!

Ejjew inkomplu nitolbu sabiex jinfetħu toroq ta’ paċi fil-Lvant Nofsani – Palestina, Iżrael – kif ukoll fl-Ukrajna martirizzata, fil-Myanmar u f’kull imkien fejn hemm il-gwerra, b’impenn għad-djalogu u n-negozjati u billi jiċċaħħdu minn azzjonijiet u reazzjonijiet vjolenti.

Insellem lilkom ilkoll, għeżież fidili minn Ruma u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi. Insellem partikolarment li dawk ġejjin mill-Istat ta’ Sao Paolo fil-Brażil; u wkoll lis-Sorijiet ta’ Santa Eliżabetta.

Nibgħat inselli u nibgħat il-barka tiegħi lin-nisa u lit-tfajliet miġburin fis-Santwarju ta’ Piekary šląskie, fil-Polonja, u nħeġġiġhom biex ikomplu jkunu xhieda ferrieħa tal-Evanġelju fil-familja u fis-soċjetà. U nsellem lill-adoloxxenti tal-Immacolata.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tejjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!

Sors: laikos.org