Il-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea (COMECE) appellat lill-partijiet involuti fil-gwerer fil-Lvant Nofsani biex jiddjalogaw u jsibu soluzzjonijiet għall-paċi minflok iwasslu għal aktar imwiet.

Dan intqal fi stqarrija li kienet iffirmata lill-membri tal-COMECE, li wieħed minnhom huwa l-Isqof Awżiljarju ta’ Malta Joseph Galea-Curmi.

Il-President tal-COMECE Mons. Mariano Crociata qal li sena mindu seħħew l-attakki tas-7 ta’ Ottubru fuq Iżrael u l-kriżi umanitarja attwali fil-Lvant Nofsani, it-theddida tal-gwerra qed tkompli teskala u li dan kollu qed jhedded id-dinjità u l-għajxien ta’ mijiet ta’ eluf ta’ persuni.

Mons.Crociata qal li huwa ta’ niket kbir li l-mewġ kbir ta’ vjolenza fl-Art Imqaddsa għadu għaddej u ġġenera ċertu dinamiċi politiċi perikolużi.

“Is-sitwazzjoni hija sors ta’ tħassib kbir għalina u għandha riperkussjonijiet kbar fl-Ewropa u l-bqija tad-dinja. Iż-żieda fl-antisemitiżmu, ir-radikalizzazzjoni u l-ksenofobija mhux biss jheddu lis-soċjetà imma jwasslu għal atti deplorabbli ta’ estremiżmu u terroriżmu”, wissa l-President tal-COMECE.

Huwa tenna l-appell tal-Papa Franġisku biex jintlaħaq il-paċi u biex il-partijiet involuti fil-kunflitti jiddjalogaw minflok jirrikorru għal aktar atti ta’ gwerer. Mons.Crociata appella għall-waqfien immedjat mill-ġlied u għar-rispett tal-liġi internazzjonali u umanitarja.

Appella wkoll għall-protezzjoni taċ-ċittadini, tal-isptarijiet, tal-iskejjel u tal-postijiet tal-adorazzjoni kif ukoll tal-ħelsien tal-ostaġġi kollha u li l-għajnuna umanitarja tasal bl-ebda xkiel.

Intant, Mons.Crociata appella lill-Unjoni Ewropea biex tkun fuq quddiem biex tiżgura li d-djalogu bejn il-partijiet involuti jwassal għall-paċi dejjiemi u jaħdem għas-soluzzjoni taż-żewġ Stati Iżraeljani u Palestinjani, kif ukoll status speċjali għall-belt ta’ Ġerusalemm.

Il-Papa jiddikjara s-7 ta’ Ottubru bħala jum ta’ talb u sawm

Il-Monsinjur stieden lin-nies tad-dinja biex jingħaqdu mal-Papa Franġisku f’jum ta’ talb lil Madonna u sawm għall-paċi nhar is-7 ta’ Ottubru.

Il-Papa Franġisku qal li “f’din is-siegħa drammatika fl-istorja tagħna meta r-riħ tal-gwerra u n-nirien tal-vjolenza jeqirdu tant nies u pajjiżi”, hemm bżonn li l-komunità Nisranija tkun imfakkra bis-sejħa li tkun ta’ servizz għall-umanità.

Hu appella għal dan waqt il-quddiesa fi Pjazza San Pietru fil-ftuħ tat-tieni sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tas-Sinodu.

Ġurnata qabel is-7 ta’ Ottubru, il-Papa Franġisku se jkun iżur il-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore fejn se jitlob lil Madonna għall-paċi. Hu stieden lill-membri tas-Sinodu biex jingħaqdu miegħu.

Din mhix l-ewwel darba li l-Papa ngħaqad ma’ eluf ta’ persuni biex jitlob għall-paċi. Fl-2013, ftit xhur wara li ġie elett Papa, hu ngħaqad ma’ eluf ta’ persuni biex jitlob fi Pjazza San Pietru għall-paċi fis-Sirja.

Bejn l-2017 u l-2022, hu għamel l-istess għall-gwerer fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u s-Sudan ta’ Isfel, fil-Libanu, fl-Afganistan u fl-Ukrajna u r-Russja.

Source: Newsbook.com.mt