-
Matul dawn il-ġranet tal-live-in, li sar bejn it-Tlieta 12 ta’ Jannar u l-Hamis 14 ta’ Jannar 2016, aħna, il-Kappillani ta’ Malta u Għawdex, ħassejna l-bżonn li nesploraw aħjar min huma dawk il-persuni li jinsabu fil-periferija eżistenzjali. B’din il-periferija ma nifhmux biss dawk li ma jersqux lejn il-Knisja, iżda wkoll dawk il-persuni li għalkemm jistgħu jkunu viċin
tal-Knisja u jagħtu sehemhom fil-parroċċa, għadhom ma waslux biex jagħmlu l-għażla konxja tad-dixxipulat. Il-Knisja dejjem ħasset il-bżonn li tkun viċin il-persuni fil-periferija, u tul is-snin wettqet u għadha twettaq ħafna xogħol ma’ dawn il-persuni. B’din ir-riflessjoni tagħna, irridu nkomplu ntejbu dak li diġà qiegħed jsir fil-parroċċi tagħna, filwaqt li nħarsu lejn metodi u attitudnijiet ġodda li jistgħu jgħinuna f’dan il-qasam.
Ippruvajna nilħqu dan il-għan billi:
- Nifhmu mill-aspett antropoloġiku, soċjali u mill-aspett ekkleżjali, min huma dawk
fil-periferija.
- Nifhmu l-qagħda tas-soċjetà preżenti u kif din taffettwa il-mod kif in-nies iħarsu lejn il-Knisja, kemm jekk huma parti integrali mill-Knisja jew fil-periferija.
- Rajna x’jistgħu jkunu l-kawżi biex persuna tħossha fil-periferija, kemm minħabba
t-trobbija, kif ukoll minħabba esperjenzi u għażliet li jagħmlu matul il-ħajja.
Minn dak li smajna ħarġu dawn il-punti:
Knisja li toħroġ
- Il-Knisja tagħraf tuża r-riżorsi tagħha għall-ħtiġijiet tal-bniedem tal-lum.
- Inkunu xhieda u appostli ta’ aħbar tajba.
- Li nkunu preżenti ma’ kulħadd u fl-ambjenti kollha.
- Li ma niġġudikawx u li nemmnu li f’kull bniedem hemm it-tajjeb u l-ħażin.
Il-ġudizzju hu f’idejn Alla, xogħolna huwa li ninfaxxaw il-feriti u nixxuttaw
id-dmugħ.
- Li mmorru fid-dinja fejn Alla ma jinħassx.
- Li nħarsu lejn is-sabiħ tal-uman tal-persuna, u mhux lejn l-għemil tiegħu.
Knisja li tilqa’
- Iċ-ċentru mhux jien iżda l-Kelma ta’ Alla.
- Li nużaw lingwaġġ li jinkkoragixxi.
- Li nistiednu lil dawk li f’għajnejna huma fil-periferija biex jipparteċipaw fil-ħajja
tal-Knisja.
- Knisja Oħt li tgħin lin-nies jimxu b’mod responsabbli mal-kuxjenza ffurmata tagħhom.
- Li naġġornaw lilna nfusna fuq realtajiet ġodda madwarna.
- Li nassiguraw ambjent akkoljenti lil dawk kollha li jattendu fiċ-ċelebrazzjonijiet u
l-laqgħat fi ħdan il-Knisja.
Knisja li takkumpanja
- Dak li hu differenti m’għandniex nibżgħu minnu.
- Li nwieġbu għall-ħtiġijiet attwali tal-persuna.
- Li nħarsu lejn dak li jgħaqqad u mhux dak li jifred.
- Li nkunu f’kuntatt dirett man-nies.
Nilqgħu l-istedina tal-Papa Franġisku li fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium jgħidilna: “Nippreferi Knisja miġruħa, feruta u maħmuġa għax toħroġ fit-toroq, milli Knisja marida bl-għeluq u bil-kumdità taċ-ċertezzi li magħhom hija ggranfata” (Par 49).
- Nifhmu mill-aspett antropoloġiku, soċjali u mill-aspett ekkleżjali, min huma dawk