• Nhar is-Sibt 28 ta’ Novembru 2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-75 mit-twaqqif tal-Parroċċa ta’ San Girgor, Tas-Sliema.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali ta’ San Girgor, Tas-Sliema

    28 ta’ Novembru 2015

    Il-kelma Parroċċa għandha oriġini partikolari li fl-istess ħin ifissru vokazzjoni partikolari. Ġejja mill-Griegparoikia. Il-Latini, peress li ma kellhomx kelma oħra, illatinizzaw il-kelma paroikia u saret paroecia minn fejn aħna wkoll, x’aktarx permezz tat-Taljan u l-Isqalli, insejħulha ‘parroċċa’. Imma xi tfisser paroikia? In-nom, dan l-isem, huwa meħud minn verb – paroikeo – li tfisser ‘tgħix f’art barranija’.

    Fil-Vanġelu nsibu użu partikulari ta’ dan il-verb meta f’jum Ħadd il-Għid, żewġ dixxipli li kienu qatgħu qalbhom mill-istorja ta’ Ġesù ta’ Nazaret, jitilqu minn Ġerusalemm u jmorru lura fil-villaġġ tagħhom biex jgħixu ħajja normali. Magħhom jissieħeb raġel misterjuż. Hu jistaqsihom: “għaliex qalbkom imnikkta?” Huma jduru lejh, u wieħed minnhom, Kleofa, jgħidlu: “Inti l-barrani f’Ġerusalemm, li ma tafx x’ġara f’dawn il-jiem? Inti l-paroikos?” (Lq 24, 18).

    Meta l-Appostlu Missierna kien jikteb ittra lill-komunità ta’ Korintu, ta’ Ruma, lill-komunità tal-Galazja, lill-Filippini, kien jgħidilhom: “intom il-komunità li tgħammar f’Ruma bħala art barranija”, u juża dan il-verb. U minn hemmhekk nibtet l-idea li l-komunità tal-Insara, għalkemm jgħixu fid-dinja, huma parti minn komunità li s-sema pajjiżha“aħna pajżana tas-sema pajjiżna”. Minn hemm nistennew li jiġi s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu, jgħid l-appostlu missierna.      

    Din hija l-wegħda wkoll li nsibu fil-Vanġelu tal-lum (Lq 21, 34-36). Il-Mulej qed jgħidilna: “għixu f’din id-dinja imma oqogħdu attenti li din id-dinja la teħdilkom raskom, la terrilkom il-fwied bl-ikel u xorb zejjed u s-sokor, u lanqas tħallu dawn l-eċċessi imewtulkom qalbkom”. Kemm hi espressjoni qawwija! Il-paroikia, il-parroċċa, din il-komunità li tgħix fid-dinja imma ħsiebha wkoll li hemm is-sema pajjiżha, hija l-komunità li ma tħallix il-ħafna tħassib għal ħtiġijiet tal-ħajja joħdilha rasha jew inkella imewtilha qalbha. Kemm tkun ħasra kbira jekk qalbna tmut, li tibqa’ tħabbat bħala muskolu imma ma tibqax qalb tal-laħam li tħoss għal min hu batut, titgħallem taħfer li hija tagħlima iebsa, titgħallem tikkonverti.  

    Il-Mulej jgħidilna li l-jum tal-miġja tiegħu, dak li aħna nistennew għax aħna parroċċa, għax aħna paroikia, “jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art”. La nafu l-jum, la nafu ix-xahar, lanqas is-sena. Il-Mulej imma, jgħallimna żewġ atteġġjamenti essenzjali: “Ishru mela u itolbu l-ħin kollu”. Mhux qed jistieden lil kull  n  wieħed u waħda minna biex bilfors ikollna ħajja kontemplattiva. Irridu nkomplu ħajjitna fuq din l-art bix-xogħol li għandna nagħmlu skont il-vokazzjoni tagħna. Imma l-kelma “tishar” tfisser li tkun viġilanti, għajnejk dejjem miftuħa biex tifhem is-sinjali taż-żminijiet, tagħraf ir-rieda t’Alla u tagħmilha. Ishru! Jispjega b’mod negattiv imbagħad jgħidilna l-atteġġjament pozittiv. Min ma jisharx, minħabba l-ikel u x-xorb zejjed, is-sokor, il-ħafna tħassib, jew imewwitlu qalbu jew inkella joħodlu rasu, il-qalb u l-moħħ, il-persuna tal-bniedem. Min jishar jaf jitgħallem ikun sid tiegħu nnifsu u hekk tassew igawdi l-ħajja għaliex qalbu mhux immewta, moħħu mhux meħud u mħawwad, imma huwa konxju minnu nnifsu u dak li jagħmel jagħmlu għax irid tassew, mhux għax ilsir ta’ xi vizzju jew mhux għax korrott.  

    Il-Papa Franġisku, il-bieraħ, kellem liż-żgħażagħ qabel telaq mill-Kenja għall-Uganda, u b’mod spontanju qalilhom: “Iġġieldu l-korruzzjoni”. Il-korruzzjoni ħafna drabi hija simili għal dan is-sokor għax hija sokor għall-ġid u għall-poter. Qallhom: “intom tistgħu tgħidu li kulħadd jagħmel hekk. Veru kulħadd jagħmel hekk, imma trid tibda inti ma tagħmilx hekk, għax jekk il-persuna ma tisharx fuqha nnifisha, jekk il-persuna minħabba dak li jagħmlu l-oħrajn ma tieħux id-deċiżjoni morali li tgħix tajjeb, li tishar fuqha nnifisha u tevita l-ħażin u tagħmel it-tajjeb, allura l-umanità ma jkollhiex iżjed tama”. It-tama tad-dinja tiddependi mir-rieda ta’ kull wieħed u waħda minna, minn din il-volontà li nishru, li nkunu viġilanti fuqna nfusna; li nkunu viġilanti wkoll fuq l-ambjent ta’ madwarna u ma nibżgħux inxandru l-kelma tal-verità.   

    Ġesù jitkellem ukoll fuq it-talb. Il-Papa, dalgħodu, fl-Uganda, qal lis-saċerdoti u anke lill-Isqfijiet, evidentement, imma din il-kelma tgħodd ukoll għal kull Nisrani, għal kull membru tal-parroċċa, li: “jekk il-bniedem ma jitlobx, isir bħal tin imqadded”,  jitlef il-bixra tiegħu. Ovvjament isir ħelu ħafna u aħna nħobbuh ħafna t-tin imqadded, imma din l-immaġini li uża l-Papa: “isir ikrah bħal tina mqadda”. Irid jgħid li ma jibqagħlux is-sbuħija ta’ xi ħaġa ħajja, jiġi mumifikat, ħaġa mqadda li tilfet l-umur tagħha, il-likwidu li hemm fiha, il-ħajja.

    It-talb iħallina f’kuntatt mas-sema pajjiżna. Id-djalogu mal-Mulej mhuwiex kwistjoni ta’ kemm naf ngħid kurunelli, imma ta’ kemm nidħol fi djalogu mal-Mulej, imqar fit-talba tar-Rużarju, li hija talba tant sabiħa. Jiena u ngħid is-Sliema u l-Qaddisa, nipprova naħseb fil-misteru li qed nimmedita u nidħol fi djalogu mal-Mulej. Kemm tkun ħaġa sabiha li aħna u nakkumpanjaw lill- Mama’ ta’ Ġesu f’dan l-Avvent, li qed tistenna lil Binha li se jitwieled fil-ġuf tagħha, aħna nużaw it-talba tar-Rużarju: “Sliem għalik, Marija. Imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesù”.  

    Jiena nixtieq nagħlaq din ir-riflessjoni qasira tiegħi, billi nfakkar fid-deċiżjoni feliċi li ħa l-Isqof Mauro Caruana, predeċċessur tiegħi, li mhux biss iwaqqaf din il-parroċċa imma jiddedikaha lil San Girgor il-Kbir. Evidentement Mauro Caruana kellu devozzjoni kbira lejn San Girgor il-Kbir għax kien San Girgor il-Kbir li bagħat il-monaċi Benedittini l-Ingilterra biex jevanġelizzaw lil dik l-art li mitt sena ilu kienet ħafna qrib tagħna politikament, għax konna kolonja. Imma kien jammira wkoll id-duttrina u l-għerf ta’ San Girgor il-Kbir. Wara kollox kien hu li ta r-regola pastorali li fuqha jimxu l-Isqfijiet. Għadna sal-lum insegwu l-għerf ta’ San Girgor.

    San Girgor hu marbut ukoll ma’ storja partikolari tal-episkopat Malti għaliex fis-sena 594, il-Papa Girgor il-Kbir kiteb lill-Isqof ta’ Sirakuża u talbu jiġi Malta u jneħħi lill-Isqof ta’ Malta, Lucillus, għaliex kien naqra imqareb l-Isqof ta’ dak iż-żmien. Kien San Girgor li qal: ‘dan se nqaċċtu’ għaliex, biex tgħaxxaqha, it-tifel ta’ dan l-Isqof, jiġifieri l-Isqof ta’ Malta ta 1,500 sena ilu, kellu t-tfal. Imma dan kellu tifel li kien qed jamministra l-artijiet li kienu tal-Knisja ta’ Tripli u kien ħawwad xi ftit. Missieru mhux talli ma wissieħx, talli mid-dehra tah palata wkoll, u Girgor il-Kbir, li kien raġel ta’ ħlewwa kbira, meta kien jara l-korruzzjoni fil-Knisja ma kien jaħfirha lil ħadd, ma kienx iħares lejn l-uċuħ.

    Allura nixtieqkom, anke bħala parroċċa, tiskopru iżjed it-tagħlim ta’ dan il-Papa kbir. Mhux ta’ b’xejn San Girgor ‘il-Kbir’. Ma tantx hemm Papiet fl-istorja li ngħidulhom il-Kbir…Ljun il-Kbir, Girgor il-Kbir. U fl-istess ħin nirringrazzja lill-Isqof Mauru ta’ dan it-titular tant sabiħ. Jiena, illum, aċċettajt ukoll li niġi hawn għax xtaqt li fil-bidu tal-episkopat tiegħi insellem il-figura tal-Isqof Mauro Caruana, mitt sena minn meta sar Isqof ta’ Malta, għaliex għażel li jindifen hawn.

    Dalgħodu kont il-Katidral tal-Imdina mal-Prinċep Charles u konna qegħdin naraw il-lapidi li jfakkru l-Isqfijiet ta’ Malta, inkluż l-aħħar wieħed midfun hemm, Mons. Gonzi, u qalli: “inti se jkollok xi post?” Għidtlu: “imma m’iniex mgħaġġel”. Għidtlu: “there is still space but I’m not in a hurry”. U beda jidħak. Naħseb anke hu mhux mgħaġġel allavolja Ġesù jgħidilna: “imbagħad niġi”, imma jiena ngħidlu: “meta trid, imma m’iniex mgħaġġel”. U nissuġerilkom tgħidulu hekk intom ukoll, imbasta nishru u nitolbu f’din il-ħajja.   

    Imma Mauro Caruana għażel li jindifen hawn. Din il-Knisja tkun għalih il-katidral fejn jistenna l-miġja tal-Mulej. U għalhekk hija din il-knisja, din il-parroċċa għażiża ħafna għal kull Isqof ta’ Malta għaliex, biex ngħidu hekk, hija estensjoni tal-Katidral.

    Jiena nirringrazzja lill-kappillani u nitolbu llum għax aħna qed ngħidu ‘75 sena parroċċa’, imma l-parroċċa għandha bżonn il-paroecia, għandha bżonn il-parochus, il-kappillan. Illum huwa l-mument ukoll li nitolbu għall-komunità, għall-membri kollha preżenti, passati u anke futuri. Inħarsu ftit il-quddiem b’tama, imma niftakru wkoll fir-ragħajja li taw ħajjithom bħala kappillani. Il-Mulej jagħtina l-għerf u d-dawl li napprezzaw il-patrimonju li ħallewlna ta’ qabilna, u bi spirtu ta’ sahra, ta’ viġilanza u ta’ talb, inkunu denji tal-isem tal-parroċċa, li hija komunità li tħares lejn is-sema, għalkemm b’saqajha fl-art, lejn is-sema bħala pajjiżha.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Photo: Photocity, Valletta.

    www.photocitymalta.com