Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Illum, l-Evanġelju tal-liturġija (cfr Mk 12,38-44) ikellimna dwar Ġesù li fit-tempju ta’ Ġerusalemm, quddiem il-poplu, jiddenunzja l-atteġġjament ipokrita ta’ xi wħud mill-iskribi (cfr vv. 38-40).
Dawn kellhom f’idejhom rwol importanti fil-komunità ta’ Iżrael: kienu jaqraw, jikkupjaw u jinterpretaw l-Iskrittura. Għalhekk kienu miġubin ħafna u n-nies kienu jħarsu lejhom b’qima.
Lil hinn mill-apparenzi, però, spiss l-imġieba tagħhom xejn ma kienet taqbel ma’ dak li kienu jgħallmu. Ma kinux koerenti. Infatti xi wħud, bis-saħħa tal-prestiġju u l-poter lil kienu jgawdu kienu jħarsu lejn l-oħrajn “minn fuq għal isfel” – ikraħ ħafna li tħares lejn il-persuna l-oħra “minn fuq għal isfel” -kellhom ħafna arja u kienu jinħbew wara faċċata ta’ rispettabbiltà u legaliżmu, kienu jarrogaw għalihom privileġġi, u sa kienu jaslu jwettqu serq għad-dannu ta’ min kien dgħajjef, bħalma huma n-nisa romol (cfr v. 40). Minflok jużaw ir-rwol li kellhom biex jaqdu lill-oħrajn, lin-nies kienu jirriduċuhom fi strument ta’ prepotenza u manipulazzjoni. U kien jiġri wkoll li anki t-talb tagħhom, għalihom ma kienx ikun aktar waqt ta’ laqgħa mal-Mulej, iżda okkażjoni biex
iperpru r-rispettabiltà u l-karità finta tagħhom, li kienet isservihom biex jiġbdu l-attenzjoni tan-nies ħalli jiksbu l-approvazzjoni (cfr ivi). Niftakru dak li jgħid Ġesù dwar it-talba tal-pubblikan u tal-fariżew (cfr Lq 18,9-14).
Huma – mhux kollha – kienu jġibu ruħhom ta’ persuni korrotti, u jagħtu aktar setgħa lil sistema soċjali u reliġjuża li fiha kienet ħaġa normali tieħu vantaġġ b’dannu ta’ ħaddieħor, speċjalment dawk li ftit li xejn kellhom min jiddefendihom, kienu jagħmlu inġustizzji u jaraw li jkollhom garanzija ta’ impunità.
Ġesù jirrikmanda li dawn il-persuni nibqgħu bogħod minnhom u li “nitħarsu” (cfr v. 38) milli nimitawhom. Anzi, bil-kelma u l-eżempju tiegħu, kif nafu, jgħallem ħwejjeġ ferm differenti dwar l-awtorità. Hu jaraha f’termini ta’ sagrifiċċju personali u servizz umli (cfr Mk 10,42-45), ta’ tenerezza materna u paterna fil-konfront tal-oħrajn (cfr Lq 11,11-13), speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn (Lq 10,25-37). Jistieden lil min għandu s-setgħa biex mill-pożizzjoni ta’ poter li jkollu, jindokra lill-oħrajn, mhux jumiljahom, anzi jgħinhom iqumu, itihom it-tama u l-għajnuna.
Allura, ħuti, nistgħu nsaqsu lilna nfusna: jien kif inġib ruħi fl-ambjenti fejn għandi responsabiltà? Nimxi bl-umiltà, jew noqgħod niftaħar bil-pożizzjoni tiegħi? Jien ġeneruz u nirrispetta lill-persuni jew nittrattahom b’mod goff u awtoritarju? U jien qrib tal-aktar dgħajfa, naf immil biex ngħinhom iqimu mill-ġdid?
Il-Verġni Marija tgħinna nikkumbattu t-tentazzjoni li hemm ġo fina li nkunu ipokriti – Ġesù jsejħilhom ipokriti, l-ipokrisija hi tentazzjoni kbira – u tgħinna nagħmlu l-ġid bħal daqq ta’ trombi u bis-sempliċità.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti!
Ilbieraħ f’Sivilja kien proklamat Beatu don Giuseppe Torres Padilla, ko-fundatur tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Kumpanija tas-Salib. Hu għex fi Spanja fil-seklu 18 u ddistingwa ruħu bħala saċerdot konfessur u gwida spiritwali, xhud ta’ karità kbira ma’ min fil-bżonn. Jalla l-eżempju tiegħu, iwieżen fuq kollox lis-saċerdoti fit-twettiq tal-ministeru tagħhom. Applaws lill-Beatu l-ġdid!
Tlett snin ilu kienet tnediet il-Pjattaforma ta’ Azzjoni dwar il-Laudato si’. Irrodd ħajr li kull min jaħdem favur din l-inizjattiva. A propożitu ta’ dan, nawgura li l-Konferenza dwar it-tibdil fil-klima COP29, li se tibda għada f’Baku, tkun ta’ kontribut effikaċi għall-ħarsien tad-dar komuni tagħna.
Jien qrib tal-popolazzjoni tal-Gżira Flores fl-Indonesja, li ntlaqtet mill-eruzzjoni tal-vulkan; nitlob għall-vittmi, għall-familjari tagħhom u għall-evakwati. U nġedded ħsiebi għall-abitanti ta’ Valencia u nħawi oħra ta’ Spanja li qed iħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi tal-għarar. Nagħmlilkom mistoqsija: tlabtu għal Valencia? Għaddielkom minn moħħkom li tagħtu xi kontribut biex tgħinu llil dawk in-nies? Din sempliċi mistoqsija.
Jien imħasseb bl-aħbarijiet li qed jaslu mill-Mozambique. Nistieden lil kulħadd biex ikun hemm id-djalogu, it-tolleranza, it-tiftix bla heda għal soluzzjonijiet ġusti. Nitolbu għall-popolazzjoni kollha tal-Mozambique, sabiex is-sitwazzjoni li hemm bħalissa ma ttelfilhomx il-fiduċja f’mixja lejn id-demokrazija, il-ġustizzja u l-paċi.
U, jekk jogħġobkom, inkomplu nitolbu għall-martri Ukrajna, fejn qed jintlaqtu wkoll sptarijiet u binjiet ċivili oħra; u nitlobu għall-Palestina, għal-Iżrael, għal-Libanu, għall-Myanmar, għas-Sudan. Nitolbu għall-paċi fid-dinja kollha.
Illum il-Knisja tal-Italja qed tiċċelebra l-Ġurnata ta’ Ringrazzjament. Nesprimi gratitudni għad-dinja tal-agrikoltura u nħeġġeġ biex biex l-art tkun ikkultivata b’mod li tkun imħarsa l-fertilità tagħha anki għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.
Insellem b’għożża lilkom ilkoll rumani u pellegrini, u liż-żgħażagħ tal-Immacolata. Insellem partikolarment lill-fidili mill-Kazakhstan, minn Moska u minn New York, minn Bastia (Corsica), minn Beja u minn Algarve fil-Portugall, minn Varsavja, Lubjana u postijiet pollakki oħra. Insellem lill-Kumitat promotur tal-Patt Edukattiv Globali flimkien mar-rappreżentanti ta’ bosta Universitajiet Kattoliċi; insellem lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Empoli; lill-volontarji tal-Banco Alimentare u l-Banda Taljana tal-Arma tat-Trasport u Materjali oħra. Nittamaw li mbagħad il-banda ssemmgħalna xi ħaġa sabiħa!
U nawgura lil kulħadd, lil kulħadd, il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: laikos.org