Il‑Kummissjoni Ambjent ma taqbel xejn mal‑emendi proposti fil‑pjanijiet lokali li jippermettu proġett massiv ta’ kostruzzjoni f’Villa Rosa f’San Ġiljan.
Dan il‑proġett, li jinkludi torri ta’ 34 sular u żewġ torrijiet oħra ta’ 27 sular, juri biċ‑ċar li ma ngħatatx konsiderazzjoni xierqa għall‑impatt li se jkollu fuq il‑komunitajiet tal‑madwar, bħaż‑żieda fit‑traffiku, l‑impatt viżiv, u kif ser jiġi affettwat l‑aċċess għad‑dawl tax‑xemx minħabba d‑dell li se joħloq fuq il‑madwar.
Il‑Kummissjoni tħares lejn dan il‑proġett bħala eżempju ieħor fejn jidher ċar li l‑prijorità qed tingħata lill‑proġetti individwali minflok lill‑ġid komunitarju.
Dan hu riżultat ta’ policies imfassla fuq pariri ħżiena u deċiżjonijiet kontroversjali li jagħtu l‑impressjoni li l‑awtoritajiet responsabbli qed iwarrbu ppjanar fit‑tul u bil‑għaqal biex jiffavorixxu approċċ frammentat ta’ proġetti hekk imsejħa ta’ żvilupp.
Huwa ta’ tħassib li saret drawwa li l‑proġetti qed ikunu negozjati u mwiegħda qabel ma jsiru studji bir‑reqqa u konsultazzjoni pubblika serja. Dan qed jimmina l‑iżvilupp sostenibbli. Jekk veru li dan il‑proġett qiegħed f’fażi ta’ konsultazzjoni, allura l‑awtoritajiet jagħmlu tajjeb jekk jagħtu widen għall‑mod ċar li bih qed jitkellmu r‑residenti u dawk kollha li għandhom għal qalbhom il‑kwalità tal‑ħajja taċ‑ċittadini.
Deċiżjonijiet li jittieħdu bil‑għan li jingħataw permessi għal żvilupp li mhux parti minn pjan ħolistiku jiftħu t‑triq għall‑abbużi u jkomplu jagħmlu s‑sitwazzjoni fil‑lokalità konċernata aktar mwiegħra għar‑residenti u għal kull min iżurha.
Il‑Kummissjoni tisħaq li huwa essenzjali li fir‑reviżjoni tal‑Pjan Strateġiku dwar l‑Ambjent u l‑Iżvilupp (SPED) li ilha s‑snin imwiegħda, il‑Gvern jitgħallem mill‑esperjenzi preċedenti u jneħħi regolamenti ambigwi u ħżiena li ppermettew lil individwi u organizzazzjonijiet jibbenefikaw mil‑lakuni li nħolqu.
Leħen iċ‑ċittadin għandu jingħata widen bis‑serjetà u l‑parteċipazzjoni pubblika fit‑tħejjija ta’ dan id‑dokument għandha tkun waħda estensiva sabiex titħares il‑kwalità tal‑ħajja taċ‑ċittadini, li saru iktar konxji mir‑relazzjoni bejn il‑ġustizzja soċjali, is‑saħħa u l‑kwalità tal‑ambjent.
Tajjeb li nqisu wkoll dak li kellha xi tgħid l‑Assoċjazzjoni Maltija għal‑Lukandi u r‑Ristoranti (MHRA) dwar il‑bżonn li jkollna turiżmu sostenibbli sabiex jitnaqqas l‑influss ta’ turisti li qed jhedded l‑ambjent, il‑kwalità tal‑ħajja tar‑residenti, u l‑esperjenzi għall‑viżitaturi.
Il‑Kummissjoni Ambjent issostni li sabiex ikollna ‘pajjiż ta’ kwalità’ jeħtieġ li jkun hemm impenn serju lejn żvilupp li jkun verament sostenibbli, b’konsultazzjoni pubblika vera u studji komprensivi biex jiġu evitati abbużi, u jitnaqqas l‑impatt negattiv fuq l‑ambjent.
Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni ntbagħtet lill‑Awtorità tal‑Ippjanar bħala parti mill‑konsultazzjoni pubblika miftuħa bħalissa. Il‑Kummissjoni Ambjent tħeġġeġ lill-pubbliku jagħmel l-istess u jibgħat il-fehmiet tiegħu lill-Awtorità tal‑Ippjanar sal‑25 ta’ Novembru 2024.