Ċiklu ta’ Katekeżijiet. L-Ispirtu u l-Għarusa. L-Ispirtu s-Santu jmexxi l-poplu ta’ Alla għal-laqgħa ma’ Ġesù t-tama tagħna. 14. Id-doni tal-Għarusa. Il-kariżmi, doni tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd


Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fl-aħħar tliet katekeżijiet tkellimna fuq il-ħidma tal-Ispirtu s-Santu li jqaddes u li titwettaq fis-sagramenti, fit-talb u billi nimxu fuq l-eżempju tal-Omm ta’ Alla. Imma nisimgħu x’jgħid test famuż tal-Konċilju Vatikan II: “L-Ispirtu s-Santu mhux biss iqaddes u jmexxi l-poplu ta’ Alla bis-sagramenti u l-ministeri u jżejnu bil-virtujiet, iżda jqassam ukoll id-doni tiegħu ‘lil kull wieħed kif jogħġbu’ (1 Kor 12:11)” (Lumen gentium, 12). Aħna wkoll għandna doni personali li l-istess Spirtu jagħti lil kull wieħed u waħda minna.

Għalhekk wasal il-mument li nitkellmu wkoll fuq dan it-tieni mod kif l-Ispirtu s-Santu jaħdem, li hi l-azzjoni kariżmatika. Kelma xi ftit diffiċli, ħa nfissirha. Hemm żewġ elementi li jikkontribwixxu biex niddefenixxu x’inhi l-kariżma. L-ewwel, il-kariżma hija d-don mogħti “għall-ġid ta’ kulħadd” (1 Kor 12:7), biex tkun ta’ siwi għal kulħadd. Fi kliem ieħor, mhijiex iddestinata prinċipalment u ordinarjament għat-tqaddis tal-persuna, imma għall-qadi tal-komunità (ara 1 Piet 4:10). Dan hu l-ewwel aspett. It-tieni, il-kariżma hija d-don mogħti “lil wieħed”, jew “lil xi wħud” b’mod partikulari, mhux lil kulħadd bl-istess mod, u dan hu dak li jagħżilha mill-grazzja santifikanti, mill-virtujiet teologali u mis-sagramenti li mill-banda l-oħra huma l-istess u komuni għal kulħadd. Il-kariżma hi mogħtija lil persuna jew lil komunità speċifika. Hija don li jagħtik Alla.

Anki dan jispjegahulna l-Konċilju. L-Ispirtu s-Santu, jgħidilna, “jagħti lil kull grad ta’ fidili grazzji speċjali biex bihom ikunu jistgħu jidħlu aħjar u b’ħeġġa akbar għall-ħidmiet u għad-dmirijiet li bihom il-Knisja tkun tista’ tiġġedded u tinbena aktar fil-wisa’ skont ma hemm miktub, li lil kull wieħed ‘tingħata r-rivelazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd’ (1 Kor 12:7)”.

Il-kariżmi huma l-“kullani”, jew tiżjin, li l-Ispirtu s-Santu jqassam biex jagħmel sabiħa lill-Għarusa ta’ Kristu. Hekk nifhmu għaliex it-test konċiljari jagħlaq bl-eżortazzjoni li ġejja. “U dawn il-kariżmi, kemm dawk straordinarji u kemm dawk sempliċi u iżjed imxerrda, huma ta’ siwi għall-ħtiġijiet tal-Knisja u jaqblu magħha; għalhekk għandhom jintlaqgħu b’sentimenti ta’ radd il-ħajr u ta’ faraġ” (Lumen gentium, 12).

Benedittu XVI qal: “Min iħares lejn l-istorja tal-epoka ta’ wara l-Konċilju jista’ jilmaħ id-dinamika ta’ tiġdid veru, li spiss ħa xejriet mhux mistennija f’ċaqliq mimli ħajja u li jagħmel kważi tanġibbli l-ħajja bla tarf tal-Knisja mqaddsa”. U din hija l-kariżma mogħtija lil grupp, permezz ta’ persuna.

Jeħtieġ niskopru mill-ġdid il-kariżmi, għax dan jgħin biex il-lajkat u b’mod partikulari l-mara jiġu mifhuma mhux biss bħala fatt istituzzjonali jew soċjoloġiku, imma fid-dimensjoni biblika u spiritwali tagħhom. Il-lajċi mhumiex l-aħħar, le, il-lajċi mhumiex speċi ta’ kollaboraturi esterni jew “truppi awżiljarji” tal-kleru, le! Għandhom kariżmi u doni li huma tagħhom u li bihom jagħtu sehemhom b’risq il-missjoni tal-Knisja.

Ħa nżid ħaġa tal-aħħar: meta nitkellmu fuq il-kariżmi hemm bżonn li minnufih inneħħu ekwivoku: dak li nidentifikawhom ma’ doni jew kapaċitajiet spettakolari jew straordinarji; anzi, huma doni ordinarji – kull wieħed għandu l-kariżma tiegħu – li jiksbu valur straordinarju jekk imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu u mlaħħma bi mħabba fis-sitwazzjonijiet tal-ħajja. Interpretazzjoni bħal din tal-kariżma hi importanti, għax ħafna Nsara, meta jisimgħu min jitkellem dwar il-kariżmi, iħossu diqa jew delużjoni, għax huma konvinti li ma għandhomx waħda minnhom, u jħossuhom esklużi jew Insara tas-serje B. Le, ma jeżistux l-Insara tas-serje B, le, kulħadd għandu l-kariżma personali tiegħu u anki komunitarja. Lil dawn kien diġà weġibhom, fi żmienu, Santu Wistin b’paragun pjuttost elokwenti, meta lill-poplu tiegħu kien jgħidlu: “Jekk tħobb dak li għandek f’idejk, mhix ħaġa żgħira. Jekk, fil-fatt, int tħobb l-għaqda, dak kollu li fi ħdanha hu ta’ xi ħadd, hu tiegħek ukoll! Hija biss l-għajn, fil-ġisem, li kapaċi tara; imma forsi l-għajn tara għall-ġid tagħha nfisha? Le, hi tara għall-ġid tal-id, għall-ġid tar-riġel u għall-ġid tal-membri kollha”.[i]

Hawn jinkixef is-sigriet għaliex l-imħabba l-Appostlu jsejħilha “triq li tgħaddihom ilkoll” (1 Kor 12:31): biha nista’ nħobb lill-Knisja, jew il-komunità li fiha ngħix u, fl-għaqda, il-kariżmi kollha, mhux biss xi wħud, huma “tiegħi”, l-istess kif il-kariżmi “tiegħi”, anki jekk jidhru ħaġa żgħira, huma ta’ kulħadd u għall-ġid ta’ kulħadd. L-imħabba tkattar il-kariżmi: mill-kariżma ta’ wieħed, ta’ persuna waħda, tagħmel il-kariżma ta’ kulħadd. Grazzi!


[i] Santu Wistin, Trattat fuq Ġwanni, 32,8.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard