-
Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn id-Dar tal-Knisja għall-Anzjani Casa Leone XIII u l-Professionals and Services Employees Union (PSEU). Il-ftehim, li jkopri l-perjodu bejn l-2015 u l-2019, ġie ffirmat mis-Sur Michael Pace Ross, Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjocesi ta’ Malta, u mis-Sur Karmenu Vella, President tal-PSEU.
Il-ftehim jipprovdi għal kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol għal ħaddiema kollha, speċjalment il-gradi ta’ taħt, fosthom żidiet bl-arretrati fis-salarji u fix-shift allowances, u bonus bħala rikonoxximent għal servizz twil lejn id-Dar.
In-negozjati tmexxew mis-Sur Pace Ross min-naħa tad-Dar u mis-Sur Vella min-naħa tal-PSEU. Il-ftehim ġie approvat mill-Kumitat Finanzjarju Djoċesan, ippresedut mill-Arċisqof Charles J. Scicluna.