Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Illum qed nerġgħu naqbdu l-katekeżijiet taċ-ċiklu ġubilari dwar Ġesù Kristu t-tama tagħna.

Fil-bidu tal-Vanġelu tiegħu, Luqa juri l-effetti tal-qawwa trasformanti tal-Kelma ta’ Alla li tasal mhux biss qalb il-kurituri tat-Tempju, imma anki fid-dar fqajra ta’ żagħżugħa, Marija, li, għarusa mwiegħda lil Ġużeppi, għadha tgħix mal-familja tagħha.

Wara Ġerusalemm, il-messaġġier ta’ bxajjar kbar divini, Gabrijel, li fl-isem tiegħu jiċċelebra l-qawwa ta’ Alla, hu mibgħut f’raħal li qatt ma jissemma fil-Bibbja Lhudija: Nazaret. F’dak iż-żmien kien daqsxejn ta’ raħal tal-Galilija, fil-periferija ta’ Iżrael, żona tal-fruntiera mal-pagani u t-tinġis tagħhom.

Proprju hemm l-anġlu jwassal messaġġ ta’ għamla u kontenut li qatt ma kienu dehru bħalhom qabel, tant li hu jriegħed il-qalb ta’ Marija, jifxilha. Flok it-tislima klassika “il-paċi miegħek”, Gabrijel jasal għand il-Verġni bl-istedina “ifraħ”, “thenna!”, riferiment ċar għall-istorja mqaddsa, għax il-profeti jużawha meta jħabbru l-miġja tal-Messija (ara Sof 3:14; Ġoel 2:21-23; Żak 9:9). Hija l-istedina għall-ferħ li Alla jagħmel lill-poplu tiegħu meta jintemm l-eżilju u l-Mulej juri li hu preżenti b’mod ħaj u ħabrieki.

Barra minn hekk, Alla jsejjaħ lil Marija b’isem ta’ mħabba mhux magħruf fl-istorja biblika: kecharitoméne, li jfisser “mimlija bil-grazzja divina”. Marija hi mimlija bil-grazzja divina. Dan l-isem juri li l-imħabba ta’ Alla diġà kienet ilha tgħammar u tkompli tgħammar fil-qalb ta’ Marija. Juri kemm hi “grazzjuża” u fuq kollox kemm il-grazzja ta’ Alla wettqet fiha tinqixa interjuri u naġret il-kapulavur tagħha fiha: imfawra bil-grazzja.

Dan il-laqam ta’ mħabba, li Alla jagħti biss lil Marija, minnufih hu msieħeb minn rassigurazzjoni: “Tibżax!”, “Tibżax!”, il-preżenza tal-Mulej dejjem tagħtina din il-grazzja li ma nibżgħux u hekk jgħidilha lil Marija: “Tibżax!”. “Tibżax” jgħid Alla lil Abraham, lil Iżakk, lil Mosè, fl-istorja: “Tibżax!” (ara Ġen 15:1; 26:24; Dewt 31:8). U jgħidu lilna wkoll: “La tibżax, ibqa’ miexi. La tibżax!”. “Dun, jien qed nibża’ minn dan”; “U x’tagħmel, meta…”; “Skużani, Dun, il-verità ħa ngħidlek: jiena mmur għand min jaqra x-xorti…”; “Int tmur għand min jaqra x-xorti?”; “Eħ, iva: immur għand min jaqrali x-xorti…”. Nitolbok: la tibżax! La tibżax! La tibżax! Kemm hi ħaġa sabiħa din. “Jiena s-sieħeb tiegħek int u miexja”: u dan Alla jgħidu lil Marija. “Dak li jista’ kollox”, Alla tal-“impossibbli” (ara Lq 1:37) jinsab ma’ Marija, jinsab flimkien u maġenb tagħha, huwa s-sieħeb tagħha, l-alleat prinċipali tagħha, il-“Jiena-miegħek” etern (ara Ġen 28:15; Eż 3:12; Mħ 6:12).

Imbagħad Gabrijel iħabbar lill-Verġni l-missjoni tagħha, u jħalli eku f’qalbha ta’ bosta siltiet bibliċi li jirriferu għar-regalità u l-messjaniċità tat-tarbija li kellha titwieled minnha u li t-tarbija kellha tiġi ppreżentata bħala l-milja tal-profeziji tal-qedem. Il-Kelma li ġejja mill-Għoli ssejjaħ lil Marija biex tkun omm il-Messija, dak il-Messija Davidiku tant mistenni. Hija l-omm tal-Messija. Hu sa jkun sultan mhux b’mod uman u karnali, imma bil-mod divin, spiritwali. L-isem tiegħu se jkun “Ġesù”, li jfisser “Alla jsalva” (ara Lq 1:31; Mt 1:21), u hekk ifakkar lil kulħadd u għal dejjem li mhuwiex il-bniedem li jsalva, imma Alla waħdu. Ġesù huwa Dak li jwettaq dawn il-kelmiet tal-profeta Iżaija: “Ma kienx xi messaġġier jew xi anġlu, imma hu stess salvahom għall-imħabba u l-ħniena tiegħu” (Iż 63:9).

Din il-maternità triegħed mill-qiegħ lil Marija. U ta’ mara intelliġenti li hi, li allura kapaċi taqra fil-ġrajjiet (ara Lq 2:19,51), hi tipprova tifhem, tgħarbel dak li qed jiġri. Marija ma tfittixx fuq barra imma ġewwa fiha, għax, kif jgħallimna Santu Wistin, “in interiore homine habitat veritas” (De vera religione 39,72). U hemm, fil-fond tal-qalb miftuħa tagħha, sensibbli, tisma’ din l-istedina biex tafda f’Alla, li ħejja għaliha “Pentekoste” speċjali. Proprju bħal fil-bidu tal-ħolqien (ara Ġen 1:2), Alla jrid isawwab fuq Marija l-Ispirtu tiegħu, qawwa li kapaċi tiftaħ dak li hu magħluq mingħajr ma tagħmillu ħsara, mingħajr ma tħassar il-libertà umana; irid idawwarha bis-“sħaba” tal-preżenza tiegħu (ara 1 Kor 10:1-2) biex l-Iben jgħammar fiha u hi fih.

U Marija titkebbes bil-fiduċja: hija “musbieħ ta’ ħafna dwal”, kif jgħid Teofanu fil-Kanoni tat-Tħabbira tiegħu. Tintelaq, tobdi, tagħmel wisa’ fiha: hi “kamra tat-tieġ imsawra minn Alla” (ibid.). Marija tilqa’ lill-Verb f’laħamha stess u hekk tibda l-akbar missjoni li qatt ġiet fdata f’idejn mara, ħlejqa umana. Tingħata biex taqdi: hi mimlija b’kollox, mhux bħal ilsira imma bħala kollaboratriċi ta’ Alla l-Missier, mimlija bid-dinjità u l-awtorità biex tamministra, kif tagħmel imbagħad f’Kana, id-doni tat-teżor divin, biex ħafna jistgħu jimlew idejhom minnu.

Ħuti, ejjew nitgħallmu minn Marija, Omm il-Feddej u Omm tagħna, biex inħallu widnejna jinfetħu għall-Kelma divina u nilqgħuha u ngħożżuha, biex tibdel il-qlub tagħna f’tabernakli tal-preżenza tagħha, fi djar li jilqgħu fihom u fejn tikber it-tama. Grazzi!

Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard