L‑Iskejjel tal‑Knisja u l‑Unjin tal‑Għalliema (MUT) iffirmaw il‑ftehim kollettiv tal‑edukaturi li jaħdmu fl‑Iskejjel tal‑Knisja wara xhur ta’ negozjati. Il‑ftehim hu validu għal ħames snin, bejn l‑2023 u l‑2027. L iffirmar, li sar illum fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana, kien ippresedut mill Arċisqof Charles Scicluna.

Minn dan il‑ftehim kollettiv qed jibbenefikaw madwar 3,200 edukatur li jaħdmu fis‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika u fil‑55 skola tal‑Knisja f’Malta u Għawdex. Huma bdew jibbenefikaw minn żieda sostanzjali fis‑salarju b’reviżjoni fil‑gradi tas‑salarju tagħhom, allowances imtejba u kundizzjonijiet aħjar fuq il‑post tax‑xogħol.

Dan il‑ftehim, filwaqt li jassigura li jintlaħqu l‑ħtiġijiet tal‑impjegati, iħaddan u jirrispetta b’mod partikolari l‑identità speċifika ta’ kull skola tal‑Knisja li jaħdmu b’mod awtonomu iżda f’parametri regolati. Il‑ftehim isostni li kull skola tal‑Knisja għandha l‑ethos tagħha li jirrifletti il‑viżjoni tal‑fundatur tagħha, filwaqt li taqsam l‑istess valuri Kattoliċi ewlenin bħala parti minn settur edukattiv wieħed. Is‑superjuri maġġuri tal‑ordinijiet reliġjużi, retturi, diretturi, prinċipali u kapijiet tal‑Iskejjel tal‑Knisja taw il‑kontribut tagħhom sabiex jintlaħaq qbil fuq dawn l‑aspetti.

Dan il‑ftehim kollettiv hu mibni fuq il‑ftehim settorjali ffirmat mill‑MUT u l‑Gvern f’Lulju 2024. L‑Iskejjel tal‑Knisja se jibqgħu jkollhom il‑flessibbiltà li jqassmu l‑ġurnata skolastika u s‑sena akkademika tagħhom skont il‑ħtiġijiet speċifiċi tagħhom waqt li jiġi żgurat li jintlaħaq in‑numru ta’ sigħat ta’ tagħlim stabbilit, mingħajr ma jinqabżu l‑ħinijiet tax‑xogħol tal‑edukaturi.

L‑Arċisqof Charles Scicluna qal li “dan il‑ftehim huwa turija cara li l‑missjoni fejjieda tal‑edukaturi tagħna għandha bżonn tiġi mħarsa, rikonoxxuta u apprezzata.” Irringrazzja lil kull min ta sehmu biex ġie fi tmiemu dan il-ftehim u awgura li “kull min qed iħaddan il-vokazzjoni li jkun edukatur tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, ikollu l-faraġ u l-għarfien li qed jagħti kontribut siewi u essenzjali għall-kwalità tal-ħajja ċivili u l-futur tan-nazzjon.”

Id‑Direttur Ġenerali tas‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika, Dr Ian Mifsud, spjega li dan il‑ftehim kollettiv hu pass ieħor li jagħti ġieħ u rikonoxximent l‑edukaturi u s‑settur edukattiv f’Malta. Irringrazzja lill‑edukaturi kollha fl‑Iskejjel tal‑Knisja li b’ħafna dedikazzjoni jgħinu lill‑istudenti jilħqu l‑potenzjal sħiħ tagħhom, għall‑ġid tagħhom u tas‑soċjetà. Saħaq li kull edukatur għandu jiġi rikonoxxut tal‑kontribut siewi li jagħti. Dr Mifsud semma kif tul l‑aħħar snin issaħħet ir‑relazzjoni bejn l‑Iskejjel tal‑Knisja u l‑MUT. Irringrazzja lill‑unjin talli “kisbet titjib bla preċedent fil‑pakkett finanzjarju u l‑kundizzjonijiet tax‑xogħol għall‑edukaturi permezz tal‑ftehim mal‑Gvern, waqt li fl‑istess ħin ġiet rispettata l‑identità unika tal‑Iskejjel tal‑Knisja.”

Il‑President tal‑MUT, Marco Bonnici, tkellem fuq kif dan hu ftehim importanti ħafna għall‑MUT u għall‑edukaturi kollha fl‑Iskejjel tal‑Knisja. Hu ftehim li filwaqt li jistabbilixxi l‑parità bejn l‑edukaturi impjegati mal‑Istat u mal‑Knisja, iħares l‑interessi speċifiċi tas‑settur u jassigura li l‑Iskejjel tal‑Knisja jibqgħu joffru edukazzjoni ta’ kwalità lill‑istudenti kollha. Hu sostna li “permezz tal‑ftehim ħadna ħsieb ukoll ir‑realtajiet tas‑settur tal‑Knisja u tal‑edukaturi tagħha, filwaqt li tejjibna l‑kundizzjonijiet tax‑xogħol u l‑pakkett finanzjarju, li jmur iktar lura mill‑2023 u jibqa’ fis‑seħħ sal‑2027.” Bonnici rringrazzja lill‑uffiċjali, il‑Kunsill, l‑istaff u l‑membri tal‑MUT, l‑awtoritajiet tal‑Knisja u n‑negozjaturi fis‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika u l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja.

Dan il‑ftehim kollettiv ġie approvat kmieni din il‑ġimgħa mill‑maġġoranza assoluta tal‑edukaturi membri tal‑MUT li pparteċipaw f’votazzjoni u jaħdmu fis‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Kattolika u fl‑Iskejjel tal‑Knisja. Dan seħħ wara konsultazzjoni kontinwa tul il‑proċess kollu.