
Il-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti se tkun qed torganizza l-ewwel simpożju internazzjonali bl-isem ta’ Shaping Minds and Souls: Jesuit Missions and the Mediterranean World, nhar il-Ħamis 29 ta’ Mejju 2025 ġewwa l-Oratorju tal-Immakolata fil-knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta.
Din il-ġurnata ta’ studju ser tlaqqa’ numru ta’ akkademiċi u riċerkaturi minn Malta, l-Italja, Spanja, il-Portugal, u l-Kanada, u ser tistħarreġ l-impatt tas-Soċjetà ta’ Ġesu fuq il-ħajja reliġjuża, kulturali, u artistika tal-gżejjer Maltin u l-Mediterran mis-seklu 16 sas-seklu 19. Din il-konferenza hi parti mill-programm ta’ konservazzjoni fi ħdan il-kumpless tal-knisja tal-Ġiżwiti. Ir-riċerka li ser tiġi ppreżentata f’din il-konferenza ser tgħarraf l-istrateġiji interpretattivi, l-inizjattivi mal-pubbliku, u l-edukazzjoni dwar il-wirt kulturali fil-ġejjien. Is-sejbiet tal-konferenza ser jiġu ppublikati.
Dan is-simpożju hu organizzat mill-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti flimkien tad-Dipartiment tal-Istorja tal-Knisja, Patroloġija, u arkeoloġija paleo-Krisjtjana (Università ta’ Malta) u d-Dipartiment tal-Kultura u Soċjetà (Università degli Studi di Palermo). Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, din l-inizjattiva tgħaqqad riċerka storika intensiva, flimkien mal-proġetti ta’ konservazzjoni tal-kumpless tal-Ġiżwiti fil-Belt Valletta. Din il-konferenza hi possibli wkoll grazzi għall-għajnuna tal-Malta Tourism Authority – VisitMalta.
Matul il-konferenza ser jiġi eżaminat kif is-Soċjetà ta’ Ġesù kienet aġent ta’ bidla kulturali u reliġjuża madwar il-Mediterran fil-bidu tal-epoka moderna. Diversi riċerkaturi ser jesploraw ix-xogħol tal-Ġiżwiti fil-missjoni, ir-rwol tagħhom fil-formazzjoni reliġjuża, id-djalogu interkulturali, u l-ikkumissjunar ta’ xogħlijiet ta’ arti sagra u arkitettura. Attenzjoni speċjali ser tingħata lir-rwol strateġiku ta’ Malta fil-ħidma tal-Ġiżwiti mal-Islam, il-Kristjaneżmu tal-Lvant, u lil hinn.
Dħul huwa b’xejn, imma l-postijiet huma limitati.
Dawk li jixtiequ jattendu jistgħu jirreġistraw hawnhekk.
Għal aktar informazzjoni tista’ tibgħat email lil [email protected].





