
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace
Il-Kurja tal-Arċisqof u l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) innegozjaw u kkonkludew ftehim kollettiv ġdid għall-impjegati tal-Kurja u tat-Tribunali Ekkleżjastiċi għall-perjodu 2026-2030.
Il-ftehim, li minnu se jibbenefikaw madwar 140 impjegat, huwa l-ewwel wieħed f’Malta li jinkludi fond allokat speċifikament għas-saħħa mentali tal-impjegati.
L-impjegati se jkollhom l-għażla li jagħmlu użu minn servizzi ta’ saħħa mentali minn professjonisti, bl-ispiża koperta f’isimhom. Din il-miżura għandha l-għan li tippromwovi saħħa mentali tajba anke fuq il-post tax-xogħol u li ssaħħaħ il-benessri tal-impjegati.
Il-ftehim jinkludi wkoll titjib fil-pagi u introduzzjoni u titjib ta’ allowances, kif ukoll bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja permezz ta’ aktar flessibbiltà fil-ħinijiet tax-xogħol u l-possibbiltà ta’ remote working. Barra minn hekk, iġib titjib fit-taħriġ u fl-iżvilupp professjonali, bil-għan li jgħin lill-Knisja żżomm l-impjegati u tattira talent ġdid. Permezz ta’ dawn il-miżuri qed jiġi rikonoxxut il-kontribut importanti tal-impjegati, filwaqt li tissaħħaħ kultura ta’ impenn, responsabbiltà u kwalità fis-servizz.
L-iffirmar sar f’isem il-Kurja tal-Arċisqof u tat-Tribunali Ekkleżjastiċi mis-Segretarju Amministrattiv Michael Pace Ross, u f’isem il-UĦM mid-Deputat Kap Eżekuttiv Isabelle Farrugia.
F’kummenti waqt l-iffirmar tal-ftehim, is-Sur Pace Ross qal li l-produttivita tal-impjegati għandha tiżdied filwaqt li għandna nsibu modi ġodda biex inżidu l-effiċjenza fil-qadi ta’ dmirijietna. “Qegħdin hawn biex noffru l-aqwa servizz lill-parroċċi u lill-enitatijiet djoċesani kollha filwaqt li nżommu f’moħħna l-mission statement tal-Arċidjoċesi.” Minbarra s-saħħa fiżika u s-saħħa mentali, is-Sur Pace Ross semma wkoll is-saħħa spiritwali u dik emozzjonali biex wieħed ikollu bilanċ fil-ħajja u jkun effettiv f’xogħlu.
Id-Direttur tar-Riżorsi Umani tal-Kurja, Dr Rebecca Gatt, qalet li l-ftehim jagħraf il-valur tal-impjegati, inklużi dawk li ilhom snin twal jaħdmu mal-entità, u jippremjahom għall-impenn tagħhom fuq il-post tax-xogħol, sabiex il-Knisja tkompli twettaq il-missjoni tagħha f’diversi oqsma tas-soċjetà.
Is-Sinjura Farrugia laqgħet il-ftehim u rringrazzjat lit-tmexxija tal-Kurja u lill-impjegati talli fehmu u approvaw it-talbiet imressqa.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm ir-rappreżentanti tal-impjegati, kif ukoll is-Sinjura Andreana Vella Pace, li se tibda tieħu ħsieb it-Taqsima Edukazzjoni u Solidarjetà Soċjali, li taħtha jaqgħu l-impjegati tal-Kurja.




