-
-
Għada, is-Sibt 29 ta’ Awwissu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser imexxi Quddiesa li matulha ser jitwaqqaf t-Tribunal li ser jisma’ l-kawżi għall-beatifikazzjoni u għall-kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla, Henry Casolani u ta’ martu, il-Qaddejja ta’ Alla, Ineż Casolani.
Il-Postulatur taż-żewġ kawżi huwa l-Kanonku Etienne Sciberras, li fil-bidu tal-Quddiesa ser jagħmel talba uffiċjali lill-Monsinjur Arċisqof biex iwaqqaf it-Tribunal. Il-Postulatur ser jippreżenta lill-Arċisqof il-lista ta’ 180 persuna li jistgħu jidhru quddiem it-Tribunal biex jagħtu x-xhieda tagħhom, u 60 dikjarazzjoni bil-ġurament minn persuni li laħqu mietu.
Is-saċerdoti, il-persuni ta’ ħajja kkonsagrata u l-lajċi kollha huma mistiedna biex jieħdu sehem f’din il-quddiesa, biex flimkien jitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jagħti d-dawl lil dawk kollha involuti. Dan biex, jekk inhi r-rieda ta’ Alla, dawn iż-żewġ persuni lajċi miżżewġin isiru beati u qaddisin. Il-ftuħ taż-żewġ kawżi huwa meqjus bħala l-ewwel seduta tat-Tribunal li ser jagħti bidu għall-proċess djoċesan.
Iċ-ċerimonja ta’ għada hi waħda importanti fil-ħajja u fl-istorja tal-Knisja f’Malta għaliex dan hu l-ewwel każ f’Malta ta’ koppja miżżewġa li ser jiġi studjat. Fattur ieħor importanti hu li x-xhieda li tat tul ħajjitha l-koppja Casolani ser jibda jiġi studjat ‘lejliet’ is-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Familja, li sejjaħ il-Papa Franġisku u li jibda f’Ottubru li ġej.
Agħfas Hawn biex taqra l-bijografija ta’ Henry Casolani.
Agħfas hawn biex taqra l-bijografija ta’ Inez Casolani.