Patri Francesco Ielpo OFM. Ritratt: Vatican News

Il-Papa Ljun XIV ikkonferma l-elezzjoni ta’ Patri Francesco Ielpo OFM bħala l-Kustodju tal-Art Imqaddsa u l-Gwardjan tal-Għolja ta’ Sijon. Din tmexxiet mill-Ministru Ġenerali tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri, Patri Massimo Fusarelli, flimkien mad-Defenitorju tiegħu fil-jiem li għaddew.

Il-Ministru Ġenerali tal-Ordni Franġiskan ħabbar dan f’ittra uffiċjali mibgħuta lill-patrijiet kollha tal-Kustodja tal-Art Imqaddsa.

Fi stqarrija dwar il-ħatra tiegħu, il-Kustodja tal-Art Imqaddsa bagħtet “xewqat mill-qalb għal servizz li jħalli l-frott f’din il-‘Perla tal-Missjonijiet’” tal-Ordni Franġiskan.

L-istqarrija tesprimi wkoll “il-gratitudni profonda tal-Ministru Ġenerali u d-Defenitorju tiegħu lejn Patri Francesco Patton, li kkonkluda s-servizz dedikat u ġeneruż tiegħu ta’ disa’ snin lill-missjoni fl-Art Imqaddsa”.

Mal-midja Vatikana, Patri Ielpo enfasizza kif “is-servizz li l-Ordni u l-Knisja talbu minni minnufih ġagħalni nirrealizza l-isproporzjon enormi li hemm bejn il-persuna fqajra tiegħi u d-dmir mitlub minni, partikularment f’dan iż-żmien tal-istorja”.

Fakkar fil-kelmiet tad-direttur spiritwali tiegħu, li qallu: “Dan l-isproporzjon, din l-inabbiltà, hi sabiħa! Għax tfisser li hemm lok għal xi ħadd ieħor biex jaġixxi, għall-Ispirtu s-Santu biex jaħdem hu!”.

“Għalhekk, bħal nhar il-professjoni reliġjuża tiegħi, jiena nafda ruħi f’idejn Alla, il-Knisja, u l-Ordni tiegħi u ħuti!”, għalqet l-istqarrija ta’ Patri Ielpo.

Patri Francesco Ielpo, ta’ oriġni Taljana, twieled Lauria, fil-Provinċja ta’ Potenza, fit-18 ta’ Mejju 1970. Ipprofessa solennement fl-1998 u ġie ordnat saċerdot sentejn wara. Serva bħala għalliem tal-edukazzjoni reliġjuża kif ukoll, sa mill-2000, bħala Rettur tal-Istitut Franciscanum ta’ Luzzago fi Brescia. Kien ukoll membru tal-Kunsill Nazzjonali tal-Federazzjoni tal-Istituti tal-Attività Edukattiva, u serva bħala Defenitur Provinċjali tal-Provinċja tal-Lombardia.

Wara li kien kappillan tal-Parroċċa Franġiskana ta’ Sant’Antnin f’Varese, f’Settembru 2013 ġie maħtur Kummissarju tal-Art Imqaddsa għal-Lombardia, mandat li sa mill-2016 inkluda wkoll il-Provinċja sħiħa tal-Italja ta’ Fuq. Sa mill-2014, serva fuq il-Bord tad-Diretturi tal-Assoċjazzjoni Pro Terra Sancta.

Sa mill-2022, hu kellu wkoll ir-rwol ta’ President tal-Fondazzjoni tal-Art Imqaddsa, waqt li serva bħala Delegat tal-Kustodju tal-Art Imqaddsa għall-Italja u bħala Delegat Ġenerali għar-ristrutturar tal-Provinċji Taljani tal-Campania, il-Basilicata u l-Calabria.

Sors: Newsbook Malta