“L-ewtanasja hi għażla irħas mill-kura paljattiva għall-Gvern” – hekk stqarr ic-Chairman tal-Fondazzjoni Life Network Dr Tonio Fenech f’kummenti li ta lil Newsbook Malta dalgħodu fuq it-taraġ ta’ Kastilja. Hu qal li dan ħareġ minn ħafna pajjiżi, pereżempju f’sena waħda fil-Kanada l-Gvern franka $150 miljun u qal li sfortunatament kull gvern jrid jagħmel għażliet finanzjarji għax ma jistax jagħmel kollox. Sfortunatament, meta tidħol l-ewtanasja l-gvern jinvesti inqas fil-kura paljattiva, in-nies jibdew ibatu aktar għaldaqstant jispiċċaw jirrikorru għall-ewtanasja. Hu qal li ma jixtieqx li pajjiżna jasal f’din is-sitwazzjoni.
Żied jgħid li f’Malta hawn nuqqas ta’ aċċess għall-mediċini li jnaqqsu l-uġigħ tant li minn aktar minn 100 mediċina li jeżistu f’pajjiżna għandna biss 17 li huma provduti b’xejn, l-oħrajn jridu jinxtraw mill-privat.
Il-Fondazzjoni Life Network Foundation li kienet qed tmexxi l-kampanja Oqtol l-Ugigħ, Mhux Lili dalgħodu ppreżentat 11, 571 firma ta’ dawk li jridu kura paljattiva aħjar u huma kontra l-legalizzazzjoni tas-suwiċidju assistit b’reazzjoni għall-konsultazzjoni tal-Gvern. Dawn inġabru f’dawn l-aħħar ħmistax minn fuq is-sit li nedew huma u dalgħodu preżentaw kopji fiżiċi lill-Gvern.
Il-pjattaforma Oqtol l-uġigħ, mhux lili, tispjega li l-proposti tal-Gvern inaqqsu l-valur tal-ħajja, ipoġġu lil dawk vulnerabbli f’riskju, u jitilfu l-konċentrazzjoni fuq il-kura biex jiffukaw fuq it-tmiem tal-ħajja.
Fenech rringrazzja lil dawk kollha li semmgħu leħinhom f’dawn l-aħħar ġimgħat inkluż l-42 organizazzjoni fosthom anke dawk mediċi bħal MAM u l-Kamra tal-Ispiżjara, il-Moviment Hospice, id-Dar tal-Providenza kif ukoll aktar minn 135 akkademiku. Barra l-Knisja ta’ Malta u Għawdex u l-għaqdiet tagħhom tkellmu favur id-dinjità tal-kura paljattiva u kontra din il-proposta wkoll diversi reliġjonijiet oħra fosthom il-Protestanti, dawk li jħaddnu r-reliġjon Lhudija u dik Musulmana.
Fakkar li l-kura paljattiva tgħin biex fl-aħħar tal-ħajja l-pazjent ikun imwieżen u mhux fl-uġigħ. Żied jgħid li ftit tax-xhur ilu l-Gvern ħareġ dokument tajjeb ħafna dwar il-bżonnijiet fil-qasam tal-kura paljattiva u nieda pjan li qed iqassmu fuq 10 snin għaldaqstant jixtieq li dan ikun implimentat qabel biex in-nies ma jibqgħux ibatu.
“Il-Gvern ħareġ ukoll dokument biex niġġieldu r-rati għolja tas-suwiċidju li għandna f’Malta u f’dan l-istess dokument jingħad li introduzzjoni ta’ miżuri bħall-ewtanasja imorru kontra l-prinċipju propju li niġġieldu s-suwiċidju għax inkunu qed ninnormalizzaw il-mewt” qal Fenech. Saħaq li min ikun f’dawn is-sitwazzjonijiet ikollu bżonn il-kura u min jieqaf miegħu u ħeġġeġ biex inkunu soċjetà ta’ wens.
Stħarriġ reċenti mwettaq minn Misco International wera li 70% tal-popolazzjoni Maltija tappoġġja aktar investiment fis-servizzi tal-kura paljattiva minflok l-introduzzjoni tal-ewtanasja.
il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Life Network Miriam Sciberras għamlet appell biex il-pazjent jiġi tassew l-ewwel. Qalet ukoll li dawk li għandhom sitwazzjoni ta’ dipendenza “m’għandhomx sentenza ta’ mewt” u għandhom jiġu nklużi fil-proċess ta’ diskussjoni u konsultazzjoni għax il-ħajja tagħhom tgħodd ukoll.
Fakkret ukoll li d-dijanjosi tat-tobba ta’ 6 xhur hi waħda mill-aktar żbaljata fil-qasam mediku tant li ħafna nies jingħataw daqshekk żmien imma jispiċċaw jgħixu ħafna aktar.
Il-legalizzazzjoni tas-suwiċidju assistit tippreżenta riskji sinifikanti, speċjalment għal gruppi vulnerabbli bħall-anzjani, persuni b’diżabilità, u dawk b’mard kroniku. Dawn il-persuni jistgħu jesperjenzaw pressjoni mhux ġustifikata biex jagħżlu l-ewtanasja sabiex inaqqsu dak li jitqies bħala piż fuq il-familji tagħhom jew is-sistema tas-saħħa. Il-kunsens ġenwin jista’ jiġi kompromess, u dak li jidher bħala “dritt li tmut”jispiċċa I ’“dmir li tmut.”
Barra minn hekk, f’pajjiżi fejn l-ewtanasja kienet inizjalment ristretta għal każijiet estremi bħall-Awstrija, il-Belġju, il-Lussemburgu, l-Olanda, Spanja u l-Iżvizzera l-konfini legali gradwalment twessgħu biex jinkludu wkoll dawn il-gruppi ta’ persuni.
Sors: Newsbook Malta




